Kurżitajiet
Iħallihom skantati bl-ammont ta’ tips li tahom waqt il-btala fil-Greċja

Il-plejer Portugiż Cristiano Ronaldo dejjem jispiċċa fl-aħbarijiet – jekk mhux għall-futbol għall-ġesti oħrajn li jagħmel barra l-pitch.  Infatti, l-aħħar rapport fuq il-media barranija jikxfu kemm il-ġenerożità tal-plejer multimiljunarju ma taqta’ qatt.

Wara t-Tazza tad-Dinja, Ronaldo mar għal btala mal-familja l-Greċja.  Qabel telaq mil-lukanda fil-Greċja, ħalla tip rekord ta’ €20,000 lill-ħaddiema li jaħdmu fiha u li jidher li ħadu ħsiebu sew.

Ronaldo baqa’ msaħħar wara l-villaġġ turistiku ta’ Costa Navarino li fih mar għal ftit jiem ta’ rilassament.  Biex jirringrazzja lill-ħaddiema ra kif jikkumpensahom sew u kif imiss u ħallielhom xejn inqas minn €20,000 f’tips.  Il-ħaddiema qed iqisu l-ġest ta’ Ronaldo bħala rigal tal-Milied fis-sajf.

Żgur li din il-btala fil-Greċja mhux biss se tibqa’ mnaqqxa f’moħħ dawn il-ħaddiema, imma se tkun memorabbli għal Ronaldo minħabba l-fatt li kien f’dan il-villaġġ turistiku li għalaq it-trasferimenti tiegħu mal-klabb Taljan ta’ Juventus.