Barranin
Iħallsu €1,100 għal ikla laħam u ħut

4 biċċiet laħam, platt ħut moqli u flixkun ilma sewa lil 4 studenti Ġappuniżi €1,100 meta marru jieklu f’restorant qrib Pjazza San Mark f’Venezja.  L-istudenti lmentaw mal-Pulizija wara li rċevew dan il-kont, li sar jaf bih is-Sindku ta’ Venezja Luigi Brugnaro u tant wera rabja li ħalef li ssir ġustizzja.

Meta mqabbel mal-kont li ħallsu 3 nisa li marru jieklu f’restorant ieħor ftit ‘il bogħod, l-4 studenti rġiel sabu li kienu nsterqu ħajjin.  Dan hekk kif il-kollegi nisa ħallsu €350 għal 3 platti għaġin bil-ħut.  Il-media Taljana ma semmietx liema huwa r-restorant in kwistjoni, iżda rrappurtat li s-sid hija Ċiniża filwaqt li l-operat huwa mmexxi minn Eġizzjan.  Skont is-Sindku ta’ Venezja huma biss 1.1% it-Taljani li għandhom restorant f’Venezja, li nofshom jinsabu fil-qalba tal-belt.

Il-każ tat-turisti Ġappuniżi għamel ħoss mal-forum tar-residenti Venezjani ‘Gruppo 25 Aprile’, li l-għan tiegħu huwa li jagħti pariri lit-turisti li jżuru Venezja biex ma jingidmux bħalma ġara lil dawn l-istudenti.  L-intenzjoni ta’ Gruppo 25 Aprile hija li jiddefendu lin-nies tal-lokal u jxandru lil min jipprova jtappan ir-reputazzjoni tajba tal-Venezjani.