Qorti
Iħebb b’mannarett għal raġel f’bar fil-Marsa

Deniro Magri ta’ 32 sena mill-Marsa tressaq il-qorti akkużat li ħebb għal raġel u kkaġunalu ġrieħi ħfief b’arma li taqta’ f’bar fi Triq Isouard fil-Marsa stess. TVM hu infurmat minn uffiċjal qrib l-investigazzjoni li l-akkużat uża mannarett.

Huwa ġie akkużat ukoll li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet imposti fuq mill-Qorti f’każ ieħor f’Marzu tal-2017.

Huwa wieġeb li mhux ħati. L-avukati Gianella De Marco u Franco Debono li dehru għall-akkużat talbu għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Maġisrat Donatella Frendo Dimech laqgħet it-talba u ordnatlu biex ma jsifirx, ma jipprovax jinħeba, ma jkellimx lix-xhud, jiffirma l-għassa ta’ Ħaż-Żabbar, u jkun id-dar bejn l-10pm u 7am. Huwa intalab li jħallas depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000.