Lokali
Iħebb għal anzjana biex seraqha €8 biss – iben il-vittma jappella għal preżenza ikbar ta’ pulizija

Anzjana spiċċat fil-mira ta’ ħalliel ilbieraħ filgħaxija fil-Qawra għal €8 li kellha fil-portmoni.  Il-mara, li għandha 80 sena, ġiet aggredita minn ħalliel 150 metru biss bogħod mir-residenza tas-sajf tagħha, li waqqagħha mal-art u ħadilha l-basket li fih kellha l-portmoni bi €8 u t-telefown ċellulari qabel ma’ ħarab minn fuq il-post.

Binha kiteb fuq is-siti soċjali li setgħet ġiet agħar għal ommu li spiċċat bi tbenġila fuq idejha u spallejha, iżda għaddejja minn trawma minħabba din l-esperjenza qarsa.  Iben il-vittma qed jappella biex tiżdied il-preżenza tal-Pulizija fit-toroq sabiex ikunu ta’ deterrent għal min iwettaq dat-tip ta’ reati fil-qalba taż-żoni residenzjali.

Filwaqt li l-anzjana u ħabiba tagħha sabu tfajla li wasslithom sal-Għassa tal-Qawra biex jirrapportaw bil-każ, binha jixtieq li l-persuna responsabbli minn dan ir-reat jiġi arrestat u jitressaq il-Qorti.  Huwa qal li fl-inħawi fejn seħħet is-serqa hemm il-kameras tas-CCTV fit-triq bit-tama li jgħinu fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija biex jinqabad il-ħalliel.

Huwa qed jittama li jekk jinqabad, il-ħalliel ma jingħatax sentenza sospiża mill-Qorti, biex nies bħal ommu jħossuhom siguri jimxu fit-triq.  Fuq nota iktar pożittiva, iben il-vittma rringrazzja lit-tfajla li għenet lill-ommu u l-ħabiba tagħha, li kienet veru Sammaritana u qal li l-aġir tagħgha huwa turija li għad hawn nies twajba fil-pajjiż.

Aħbarijiet Oħra
Immigrazzjoni

Matul il-lejl, grupp ta’ 61 immigrant mistennija jiddaħħlu Malta wara li sabu ruħhom f’diffikultà bejn sema u ilma. Stqarrija tal-Forzi Armarti qalet li ċ-ċentru tal-kordinazzjoni tas-salvataġġ Maltiillum tard waranofsinhar kien…

Infrastruttura

Il-pontijiet li jaqsmu l-ibliet u jħaffu t-traffiku huma meħtieġa iżda l-manutenzjoni tagħhom hija daqstant importanti biex jiġu evitati diżgrazzji. Ftit tal-ġimgħat ilu Infrastructure Malta lestiet l-ewwel fażi ta’ tisħiħ tal-Pont…

Ambjent

Wara li f’lejlet Santa Marija nirien ħakmu l-Maqluba fil-Qrendi u għal diversi jiem ma kinux ntfew għalkollox, l-espert fil-biodiversità, Alfred Baldacchino, qal li l-ħsara li saret m’hijiex biss fis-siġar li…

Aktar