Immigrazzjoni
Iħeġġeġ lil Malta biex tieħu miżuri għas-sitwazzjonijiet li jwasslu għat-traffikar uman

Għas-seba’ sena wara l-oħra, ir-rapport tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan dwar it-traffikar tal-persuni sab li Malta għadha ma laħqitx l-istandards minimi biex tikkumbatti din il-problema. Ir-rapport annwali jagħti rendikont tas-sitwazzjoni f’dan ir-rigward fil-pajjiżi kollha. Dwar Malta, ir-rapport jinnota l-isforzi akbar min-naħa tal-awtoritajiet Maltin biex jikkumbattu din il-problema. Ir-rapport iħeġġeġ lil Malta biex tieħu miżuri oħra biex tindirizza sitwazzjonijiet li potenzjalment qed iwasslu għat-traffikar uman.

Ir-rapport isemmi setturi li huma l-iktar esposti għat-traffikar ta’ persuni fosthom ħaddiem għal xogħol domestiku kif ukoll għall-industrija tas-sess u jindika wkoll il-pajjiżi li potenzjalment minnhom qed isir it-traffikar ta’ persuni vulnerabbli. Ir-rapport isemmi fost oħrajn il-massage parlours u jħeġġeġ għal aktar sforzi ta’ infurzar kontra allegat persuni involuti f’din it-tip ta’ kriminalità.

Il-Gvern qal fi stqarrija li laqa’ l-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Amerikani li Malta kompliet żżid l-isforzi biex tiġġieled it-traffikar uman. Is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi qal li hu determinat li jkompli jsaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar uman bil-ħolqien tal-ewwel strateġija nazzjonali. Qal li diġà bdew sensiela ta’ laqgħat ma’ esperti u ma’ membri tas-soċjetà ċivili maħsuba biex ikomplu jtejbu l-mod kif l-awtoritajiet Maltin qed jindirizzaw din l-isfida.