Mużika
Joseph Calleja b’inizjattivi biex tfal u żgħażagħ jagħmlu suċċess bit-talent

It-tenur Joseph Calleja kiseb fama dinija bit-talent tiegħu. Permezz tal-Fondazzjoni tiegħu qed jistinka biex artisti żgħażagħ ma jintiflux minħabba li m’għandhomx il-mezzi biex ikattru t-talent tagħhom filwaqt li qed iqarreb il-mużika lejn eluf ta’ tfal żvantaġġati. Għal dan il-għan qed iħejji għal kunċert biex jinġabru fondi għall-Fondazzjoni BOV Joseph Calleja.

F’ħames snin kemm ilha mwaqqfa, il-fondazzjoni tat-tenur Joseph Calleja laħqet ‘il fuq minn elfejn tifel u tifla żvantaġġati jiskopru l-ġmiel tal-mużika permezz ta’ diversi programmi kulturali. Il-Fondazzjoni Bank Of Valletta Joseph Calleja, li twaqqfet bil-ħsieb li tgħin talent lokali jkompli jiżviluppa għenet artisti żgħażagħ biex ikattru t-talent tagħhom. Fosthom Marvic Monreal u Nicola Said.

Il-fondazzjoni għenet ukoll liż-żagħżugħ Charles Buttigieg, li għalkemm għad għandu biss 20 sena ngħata borża ta’ studju u ġie aċċettat f’Curtis Institute f’Philadelphia.

It-Tenur Joseph Calleja qal “ilna nsegwuh għal iktar minn erba’ snin issa u għennieh ħafna affarijiet f’ħajtu u din hija ħaġa kbira għax mingħajr ma rrid nibnih ħafna, però l-fatt li ġie aċċettat fil-Curtis Institute – ir-rata ta’ aċċettazzjoni ta’ studenti huwa biss ta’ madwar 3.2 fil-mija jiġifieri huwa eħfef tidħol f’Harvard, Stanford jew f’ Yale milli tdħol f’Curtis Institute.”

Bil-għan li l-Fondazzjoni tkompli tgħin talenti żgħażagħ bħal dawn, Joseph Calleja qed iħejji għall-kunċert li se jagħti fit-Teatru Manoel.

”Ikkonvinċejt lis-soparno Jessica Pratt, lill-baritonu Vittorio Vitelli u l-conductor/vjolinista David Chan tal-Metropolitan Opera, li jiġu u jipperformjaw b’xejn għall-kunċert. Jiġifieri l-fondi kollha ħa jmorru għall-fondazzjoni. Fondazzjoni li qed tagħmel ħafna ġid” kompla jgħid it-Tenur Joseph Calleja.

L-2018 kienet sena impenjattiva għat-tenur Malti, li bdiet bit-Tosca f’Covent Garden, u għadd ta’ kunċerti u opri li ħaduh f’diversi pajjiżi Ewropej u fl-Istati Uniti. F’intervista ma’ TVM, Joseph Calleja qal li s-sena d-dieħla mistenni jilħaq il-mitt wirja tiegħu.

“Irrid naħdem u nistinka ħafna biex nibqa’ fil-livell li qiegħed fih però grazzi għall-ħanin Alla li l-affarijiet sejrin tajjeb ħafna” qal Calleja.

Il-kunċert annwali tas-sajf ta’ Joseph Calleja sar appuntament annwali mal-udjenza Maltija u l-mistieden għall-kunċert tas-sena dieħla huwa għal darb’ohra t-tenur Andrea Bocelli.

”Nista’ ngħid li sirna ħbieb f’dan il-perjodu u kien hu proprja li esprima r-rieda li jiġi Malta għal kunċert ieħor” qal it-Tenur Calleja.

Sa mill-bidu tal-karriera tiegħu 21 sena ilu, Joseph Calleja ġar it-titlu ta’ ambaxxatur ta’ Malta. . . ferm qabel ma’ nħatar l-ewwel ambaxxatur kulturali Malti.

“Il-kritiċi internazzjonali minn dejjem kienu jgħiduli The Maltese Tenor fil-fatt anke d-diska tal-label tiegħi kienet għoġbithom dik il-frazi u anke għamluh album id-Decca records” tenn jgħid Joseph Calleja.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Studju li sar mil-Kumpanija EY b’kollaborazzjoni mal-Kamra tal-Kummerċ wera li l-Industrija tal-Yachting tiġġenera aktar minn €100 miljun fis-sena minħabba dħul ieħor dirett għall-Gvern. Id-dettalji ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha l-Ministru…

Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li minkejja li rreżista r-riformi l-Gvern kellu jimplimenta t-tibdil li qaltlu l-Kummissjoni Venezja. Waqt li kien qed jindirizza attività politika fiż-Żurrieq illejla, il-Kap Nazzjonalista qal…

Qorti

Raġel ta’ 26 sena, Steve Galea li nstab ħati li għex fuq il-prostituzzjoni tas-sieħba tiegħu, skansa l-ħabs wara li biddel ħajtu. Galea, kien ukoll akkużat li flimkien ma’ tnejn oħra,…

Aktar