Lokali
Iħossuhom diskriminati għax mhux jitħallew jixtru polza ta’ assikurazzjoni fuq ħajjithom

Persuni b’mard kroniku jew diżabilità qed iħossuhom diskriminati li kumpaniji tal-assikurazzjoni mhux qed iħalluhom jixtru polza ta’ assikurazzjoni fuq ħajjithom li mingħajrha ma jistgħux jieħdu self mill-bank jew possibilment jibdew negozju għal rashom.

Minn stħarriġ li għamel TVM, għaqda li tirrappreżenta persuni li twieldu b’difetti fil-qalb bdiet taħditiet mal-Gvern u l-kumpaniji tal-assikurazzjoni bit-tama li tinstab soluzzjoni.

Persuni li twieldu b’kundizzjonijiet kroniċi jew li bħalissa qed jirċievu kura kontra l-kanċer jidher li qed isibu l-bibien tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni magħluqa biex ikollhom polza ta’ assigurazzjoni fuq ħajjithom.

David Aquilina mill-organizzazzjoni Beating Hearts li twaqfet biex tappoġġja tfal li twieldu b’difetti f’qalbhom u l-ġenituri tagħhom qal li din hi inġustizzja kbira għax mingħajr din l-assikurazzoni, dawn il-persuni ma jistgħux jiksbu self mill-banek. “Lanqas tista’ tibda business, lanqas tista’ tixtri d-dar tiegħek u din toħloq problemi oħra fil-futur għax jekk inti bħala persuna mhux tingħata l-abiltà biex taħdem u tkabbar lilek innifsek, ‘l quddiem probabilment ħa toħloq issues ta’ social housing jew in-nies jibgħu dipendenti fuq il-Gvern”

Hu stmat li hawn mijiet huma imcahda jkollhom protezzjoni fuq ħajjithom.  Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-kumpaniji tal-assikurazzjoni, Adrian Galea qal li għalkemm jifhmu l-frustrazzjoni tal-persuni konċernati, in-negozju tal-assikurazzjoni hu bbażat fuq l-analiżi tar-riskju li tiddetermina l-ħlas jew aħjar premium li persuni bhal dawn jistghu jintalbu biex jigu assigurati.

“Sfortunatament aħna bħala assoċjazzjoni ma nistgħux nindaħlu fl-operat tal-membri tagħna u kull kumpanija tal-assikurazzjoni tqies kull każ għalih”. Is-Sur Aquilina qal li fl-aħħar xhur kellhom taħditiet mal-Ministeru għall-Familja u ressqu proposta għall-polza konġunta bejn il-Gvern u l-kumpaniji tal-assikurazzjoni.

“Kumpaniji tal-assikurazzjoni li jagħtu assikurazzjoni lil dik il-persuna fuq il-ħajja pero teskludi dik il-parti li hi tikkunsidra r-riskju jew id-diżabilità, il-Gvern imbagħad jidħol min-naħa tiegħu u jippluggja dik il-parti tal-polza”

Mistoqsi għar-reazzjoni tal-Assoċjazzjoni dwar din il-proposta, is-Sur Galea qal li wieħed irid jara d-dettalji u kif tista’ titħaddem.’  “Irridu noqgħodu attenti li ma nagħtux l-impressjoni li l-Gvern jista’ jidħol fiż-żarbun tal-assikuratur jew inkella jagħmel l-istess xogħol ta’ kumpanija tal-assikurazzjoni jew ma’ kumpanija jew f’kunflitt ma’ kumpanija tal-assikurazzjoni u rridu naraw li kif jgħid il-Malti l-ħobż intuh lil min jaf jieklu”

Kelliema għall-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali qalet li sa issa ma sarx progress fit-taħditiet li nbdew is-sena l-oħra iżda saħqet li l-Gvern qed jikkunsidra soluzzjonijiet oħrajn.