Lokali
Ikel tipiku mill-pajjiżi tal-Commonwealth għat-tfal tal-iskola primarja ta’ Marsaskala

Togħma żghira għall-istudenti tal-primarja f’Marsaskala dwar il-kultura u l-valuri tal-Commonwealth. Dan seħħ waqt li għaddejjin it-tħejjijiet għas-summit tal-kapijiet tal-Gvern tal-pajjiżi msieħba fil-Commonwealth li se jsir ix-xahar id-dieħel f’Londra.

F’nofs April, 53 kap ta’ Gvern minn pajjiżi tal-Commonwealth, fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat, mistennija jattendu għal summit magħruf bħala CHOGM li se jsir f’Londra. Dan se jsir kważi sena u nofs wara li l-aħħar summit tax-xorta ġie organizzat f’Malta fl-2015.

Il-Kummissarju Għoli Ingliż għal Malta, Stuart Gill, qal li l-pajjizi tal-Commonwealth li fihom tgħix terz tal-popolazzjoni tad-dinja għandhom valuri komuni. Dawn huma l-prosperità, id-demokrazija u l-paċi.

Qal li kwistjonijiet bħall-governanza u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, il-promozzjoni tal-ugwaljanza, l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ se jingħataw prijorità fis-summit tax-xahar id-dieħel.

Il-Kummissarju Għoli Ingliż f’Malta Stuart Gill qal ”and we get those countries and the people of those countries talking to each other, bearing in mind that out of 2.4 billion people in the Commonwealth, more than half, sixty percent, are under the age of 29.”

Fl-iskola primarja ta’ Marsaskala saret attività mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-British Council. “Fil-Commonwealth Big Lunch” tqassam ikel tipiku mill-pajjiżi tal-Commonwealth. Fi kliem it-tfal, l-ikel hu fattur li jgħaqqad kulturi differenti.

Il-Ministru Carmelo Abela ħeġġeġ lit-tfal biex ikattru r-relazzjonijiet tagħhom anki ma’ tfal li jkunu ġejjin minn pajjiżi u kulturi differenti. Qal li l-Commonwealth hu eżempju kif il-kommunikazzjoni interkulturali tista’ tissaħħaħ.