Kronaka
AĠĠORNAT: Raġel arrestat wara li vvandalizza bil-ġebel 9 karozzi u 8 vetrini

Sirjan ta’ 25 sena, residenti San Pawl il-Baħar, qiegħed jinżamm arrestat b’rabta ma’ atti ta’ vandaliżmu fuq vetturi u ħwienet li seħħew il-lejl li għadda fil-Mellieħa.

Kienu xi t-3am xħin il-Pulizija ġiet infurmata li hemm persuna qiegħda twaddab il-ġebel lejn xi vetturi fi Triq il-Marfa.

Il-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra marret mill-ewwel fuq il-post iżda ma nstab ħadd.

Madankollu l-pulizija nnutaw xi vetturi li kienu pparkkjati u vetrini ta’ ħwienet, li kellhom ħsarat konsiderevoli, fosthom il-ħġieġ imkisser b’xi ġebel.

Il-pulizija ngħataw ukoll deskrizzjoni tal-persuna li allegatament kienet qiegħda twettaq dawn l-atti vandali u bdew bit-tfittxija għaliha. Madwar nofs siegħa wara, ġie osservat raġel, li kien jaqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat, miexi lejn ix-Xemxija. Huwa twaqqaf u ġie arrestat fejn ittieħed għal aktar investigazzjonijiet fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana.

Minn iżjed investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija tad-Distrett, irriżulta li b’kollox instabu disa’ vetturi u tmien vetrini ta’ ħwienet bil-ħġieġ imkisser, tul Triq il-Marfa, Triq Ġorġ Borg Olivier u Triq il-Kbira, il-Mellieħa.

L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.