Infrastruttura
Ikissru l-bankina u jarmu fil-wied – it-terrapien mistenni jinġabar

Filmat li wasal għand TVM ftit tal-jiem ilu juri ħaddiema ta’ kuntrattur jagħmlu xi xogħlijiet fi Triq il-Marfa fil-Mellieħa. Fil-filmat, li nġibed nhar il-Ġimgħa li għadda, il-ħaddiema jidhru jkissru l-bankina u jwaddbu t-terrapien fil-wied li hemm biswitha.

Dwar din is-sitwazzjoni TVM talab kjarifika mingħand Infrastructure Malta, li min-naħa tagħha spjegat li hawn qed isir xogħol ta’ katusi ġodda li jiġbru l-ilma tat-triq biex ikun evitat l-għargħar.

Kelliem għal Infrastructure Malta qal li l-awtorità kienet tkellmet mal-kuntrattur dwar dak li jidher fil-filmat, fejn dan spjega li l-materjal qed jinżamm mal-ġenb tat-triq biex jinġabar f’daqqa lejn tmiem il-ġimgħa.

L-istess kelliem qal li Infrastructure Malta talbet lill-kuntrattur jiżgura li ma jħalli l-ebda materjal fil-ġenb tat-triq, u li meta jitlesta x-xogħol kienet se ssir spezzjoni, biex fil-każ ta’ xi nuqqas, il-kuntrattur jintalab jieħu azzjoni.

Ix-xogħol biex tinbena mill-ġdid Triq il-Marfa, li hija twila 1.4 kilometri, beda xahar ilu. Infrastructure Malta qalet li, jekk it-temp jippermetti, din it-triq se tkun kważi lesta kollha qabel l-aħħar ta’ Mejju.