Kronaka
Ikissru s-salib storiku tad-Dejma f’Ħal Qormi

Persuna jew persuni mhux magħrufa wettqu atti vandali mas-Salib tad-Dejma li jinsab f’Ħal Qormi ħdejn iż-Żona Industrijali.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Josè Herrera ikkundanna dan l-attakk li ddeskrivih bħala wieħed ta’ stmerrija.

“Mhux aċċettabbli li l-patrimonju tagħna jiġi mfarrak u vandalizzat. Meta se nitgħallmu napprezzaw dak li jagħmilna min aħna?”, huwa rrimarka.

Il-Ministru Herrera żied li se jara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex jinqabad min wettaq l-att vandalu u sostna li wasal iż-żmien li ninvestu aktar fis-sens ċiviku, it-tagħlim dwar l-Istorja u l-apprezzament tal-kultura.

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi għamel rapport lill-Pulizija u jinsab f’kuntatti mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali biex jiġi rranġat.

Sekli ilu s-Salib tad-Dejma kien iservi bħala post fejn is-suldati tad-Dejma kienu jiltaqgħu qabel jingħataw l-istruzzjonijiet fejn għandhom jgħassu u ħa l-isem għal din ir-raġuni.

Sadanittant, l-iskola sekondarja tal-Ħandaq irrimarkat fuq il-paġna tagħha tal-Facebook li kienet ilha titlob li ż-żona tiġi rranġata u lmentat mit-telqa li hemm fl-inħawi waqt li nsistiet li hija ħasra li jkollok skejjel sbieħ imma mdawrin bl-iskart

Hija esprimiet is-sodisfazzjon li se tittieħed azzjoni u sostniet li dak li ġara llum għandu jnisselsens ta’ urġenza ċivika biex monumenti bħal dawn jiġu preservati u biex ma jerġgħux isiru atti kodardi.