Kronaka
Ikkonfermat li l-fdalijiet misjuba f’sur tal-Belt huma ta’ Charlene Farrugia

TVM jista’ jiżvela li t-testijiet tad-DNA fuq il-fdalijiet umani li kważi xahar ilu nstabu moħbija f’daħla f’sur tal-Belt huma ta’ Charlene Farrugia, it-tfajla ta’ 25 sena li kienet irrapportata nieqsa 11-il sena ilu.

It-testijiet ikkonfermaw l-istqarrijiet li John Paul Woods ta lill-pulizija li kien anke indika fejn il-fdalijiet tagħha kienu moħbija. Woods bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ ħabs fuq serq iżda mistenni jiġi mixli bil-qtil makabru ta’ Charlene Farrugia.

Testijiet tad-DNA fuq il-fdalijiet tal-katavru li xahar ilu nstabu moħbija f’sur fil-Belt, juru li huma ta’ Charlene Farrugia li 11-il sena ilu kienet rappurtata nieqsa.

TVM jinsab infurmat li t-testijiet li saru f’Malta juru li d-DNA tal-fdalijiet tal-katavru jaqblu b’persentaġġ għoli mad-DNA tal-qraba tagħha. Investigazzjonijiet preliminari li saru fuq l-għadam xahar ilu, diġà kienu wrew li huma ta’ mara ta’ bejn l-20 u t-30 sena. It-test tad-DNA saħħaħ l-investigazzjonijiet tal-pulizija għax stabilixxa l-identità tal-vittma.

Fl-20 ta’ Lulju, uffiċjali mill-iskwadra tal-omiċidji tal-pulizija u tal-forensika, elevaw fdalijiet umani fosthom ras ta’ persuna u partijiet minn idejn u saqajn minn daħla f’sur tal-Belt taħt ir-riħ tal-lukanda Phoenicia. Dakinhar il-pulizija qalet li qed iżomm raġel suspettat li wettaq dan id-delitt. Ir-raġel, John Paul Woods imwieled l-Ingilterra, kien ġie arrestat waqt attentat ta’ hold-up armat b’sikkina, f’ħanut fil-Gżira. Waqt li kien fil-kustodja tal-pulizija, Woods tkellem dwar l-għibien ta’ Charlene Farrugia u allega li kien qatilha hu u indika fejn kien hemm il-fdalijiet tagħha.

Farrugia li kellha 25 sena kienet ġiet irrapportata nieqsa fis-7 ta’ Novembru 2008. Hija kienet taħdem bħala carer fid-Dar tal-Providenza u kienet toqgħod San Pawl il-Baħar f’appartament li l-pulizija qed tinkludih fl-investigazzjonijiet tagħha. Dwar il-każ qed issir inkjesta mill-Maġistrat Audrey Demicoli.

John Paul Woods li issa mistenni jiġi akkużat fost oħrajn bil-qtil ta’ Farrugia u li ħeba l-katavru tagħha, bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ seba’ snin ħabs wara li x-xahar l-ieħor ammetta fost oħrajn li pprova jisraq mill-ħanut tal-Gzira u li żamm erba’ persuni fil-ħanut kontra l-volontà tagħhom, li rreżista bi vjolenza membri tal-Korp tal-Pulizija, li ġarr sikkina u li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti fuq żewġ sentenzi meta kien taħt probation.

Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalu li Woods se jitressaq il-Qorti meta l-pulizija tkun lestiet l-investigazzjonijiet kollha f’dan il-każ.

Aħbarijiet Oħra
Partit Nazzjonalista

Waqt żjara fix-xelter tal-YMCA li għandu mat-30 resident, il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li r-realtà tal-faqar f’Malta, qiegħda tiżdied minkejja t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż. Dr Delia qal li l-Gvern għandu…

Xogħol

Fit-tieni kwart tas-sena, bejn April u Ġunju li għadda, Malta kellha t-tielet l-ogħla rata ta’ sejħiet għal impjiegi fis-suq tax-xogħol. Skont ċifri tal-Eurostat, il-postijiet tax-xogħol li kienu qed ifittxu l-ħaddiema…

Aktar