Qorti
Ikkonfermati 3 snin ħabs għal sewwieq li tajjar u qatel ċiklist fi Triq il-Kosta

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenza ta’ tliet snin ħabs lil Anthony Taliana ta’ 32 sena, li kien instab ħati li bi traskuraġni tajjar u qatel lil James Clifford Micallef li kien qed isuq ir-rota.

L-inċident kien seħħ fit-30 ta’ Lulju 2009 fi Triq Tul il-Kosta, f’Baħar iċ-Ċagħaq. Micallef kien ittajjar minn karozza misjuqa minn Taliana, li laqtitu min-naħa ta’ wara. Taliana kien baqa’ sejjer, iżda fuq il-post instabu l-bumper tal-karozza u l-pjanċa.

Fl-appell, Taliana argumenta li fit-triq kien hemm siġra li tisporġi ‘l barra u li minħabba fiha kellu jaqla’ ‘l barra, u li ċ-ċiklist ma kienx viżibbli, tant li trakk li għadda wara l-inċident spiċċa għaffeġ ir-rota. Żied li ma kellux jinstab ħati li saq meta ma kienx f’kundizzjoni li jagħmel dan minħabba xorb jew drogi, għax il-provi ma kinux konklussivi.

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima, qieset li s-siġra indikata ma kinitx fil-post fejn Micallef ittajjar, iżda fejn instab il-katavru. Il-Qorti qalet li l-katavru ta’ Micallef kien ‘il bogħod minn fejn intlaqat, u tar bl-istess veloċità li biha kienet qed tinstaq il-karozza, li hu stmat li kienet ta’ madwar 114-il km/s.

Dwar il-fatt li ma kienx viżibbli, il-Qorti qalet li x-xufier tat-trakk kien ra l-katavru u evitah, iżda mbagħad qabad ir-rota u waqaf meta rrealizza x’seta’ ġara. Ikkunsidrat li Micallef kien liebes cycling gear aħdar u elmu isfar, u li r-rota kienet attrezzata b’reflectors iteptpu.

Dwar il-konsum tal-alkoħol, il-Qorti qalet li minkejja li t-test tossikoloġiku li ttieħed sigħat wara l-inċident irriżulta f’livelli ta’ alkoħol permissibli mil-liġi, dawn il-livelli xorta setgħu jaffettwaw il-ġudizzju u l-perċezzjoni ta’ Taliana. Qieset ukoll li x-xhud li kienet ma’ Taliana fil-karozza qalet li kien xorob matul il-lejl, u meta l-Pulizija sabuh fuq is-sodda kellu riħa ta’ xorb.

Il-Qorti qieset ukoll li fix-xahrejn ta’ qabel l-inċident fatali, Taliana kien diġà nstab ħati darbtejn ta’ sewqan bla kont u perikoluż. Barra minn hekk, fl-istess sentenza, kien instab ħati li kkaġuna feriti gravi lil tfajla li kienet riekba miegħu f’inċident ieħor li seħħ fl-2007.

Il-Qorti qalet illi ż-żewġ inċidenti setgħu ġew evitati li kieku Taliana għaraf ir-responsabbiltà li kellu fit-triq, u għalhekk ikkonfermat is-sentenza ta’ ħabs effettiva.

Ritratt (fuq): Anthony Taliana (xellug) u l-vittma Clifford Micallef (lemin)

Ara wkoll:

3 snin ħabs wara li tajjar ċiklist 9 snin ilu