Qorti
Ikkonfermati 3 snin ħabs lill-anzjan fuq abbuż sesswali ta’ 2 subien

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenza ta’ 3 snin ħabs mogħtija lil anzjan li f’Awwissu li għadda nstab ħati li abbuża sesswalment minn żewġ subien biex jagħtihom x’jieklu jew ftit flus f’diversi okkażjonjiet li seħħew qabel Frar li għadda.

John Zammit ta’ 70 sena mill-Belt appella mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati u talab fost l-oħrajn biex jingħata piena iktar ġusta u ma jintbagħatx il-ħabs meta titqies l-età tiegħu u l-ammissjoni bikrija fost affarijiet oħra.

L-Avukat Ġenerali rribatta lid-difiża li l-effett trawmatiku fuq it-tfal se jibqa’ magħhom tul ħajjithom kollha u għalhekk huwa tal-fehma li s-sentenza mogħtija m’għandhiex tinbidel.

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, qalet li minkejja li qed jintalab tibdil fil-piena, l-anzjan fl-ebda ħin ma wera sinjal ta’ riforma u għalhekk jippreżenta theddida għas-soċjetà u hemm il-possibilità li jirrepeti reati simili.

L-Imħallef qalet li l-imputat approfitta minn persuni vulnerabbli li kellhom bżonn direzzjoni fil-ħajja u flok talab l-għajnuna meħtieġa, uża lis-subien biex jissodisfa lilu nnifsu.

Il-Qorti kkundannat l-aġir tal-imputat u qalet li dan għandu jiġi rifless fis-sentenza.  L-Imħallef spjegat li l-piena ta’ tliet snin ħabs taqa’ fil-parametri tal-liġi.  Tħoss li għandha tkun severa fl-applikazzjoni tal-piena biex tibgħat messaġġ lis-soċjetà li l-Qorti mhux se taċċetta dawn it-tipi ta’ reati.  Filwaqt li l-Qorti qalet li qegħda hemm biex tagħmel ġustizzja tal-akkużat, trid tipproteġi lill-minuri li jiġu abbużati.

Għaldaqstant il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell u kkonfermat is-sentenza mogħtija lil Zammit ta’ 3 snin ħabs.  Dan minbarra li l-Qorti ordnat lir-Reġistratur tal-Qrati biex isem l-imputat jitniżżel fuq ir-Reġistru tal-Pedofeli.

Ara wkoll:

Anzjan jabbuża minn żewġ subien biex jagħtihom x’jieklu