Lokali
Ikkremat fl-Indja l-katavru ta’ Ivan Barbara

Sorsi qalu liċ-ċentru tal-aħbarijiet li saret il-kremazzjoni fuq il-katavru ta’ Ivan Barbara ta’ 47 sena, fl-Indja.

Ivan Barbara ta’ 47 sena kien se jinġieb b’titjira speċjali lbieraħ b’ajruplan ambulanza wara li marad bil-Covid u s-sitwazzjoni tiegħu marret għall-agħar. Huwa miet kif kien se jittella’ fuq l-ajruplan qabel bdiet it-titjira minn Delhi l-Indja dirett għal Malta.

Kien lejn l-aħħar ġimgħa tagħhom fl-Indja qabel  jibdew il-vjaġġ lura lejn Malta flimkien ma’ binthom, li għandha sena u tliet xhur, li l-koppja ttestjat pożittiv għall-Covid19.

Rosanne Barbara ta’ 42 sena rkuprat iżda l-kundizzjoni ta’ żewġha ħadet daqqa ‘l isfel. F’ġirja kontra l-ħin biex jieħu l-kura, f’pajjiż taħt il-flaġell tal-Covid, il-ġimgħa l-oħra r-raġel iddaħħal għall-kura fl-isptar Manavta barra New Delhi.

Malli l-awtoritajiet Maltin kienu mgħarrfa bis-sitwazzjoni tal-koppja Maltija, bdiet ħidma biex jinġiebu Malta b’Identity Malta daħlet biex tħallas għall-ispiża biex jinkera ajruplan-ambulanza ħalli jġib lill-koppja u lil binthom mill-Indja. It-titjira kellha tasal Malta lbieraħ.

Fl-Indja bħalissa, is-sitwazzjoni tal-pandemija tal-Covid-19 hija waħda mill-iktar allarmanti fejn issa l-għadd ta’ każi kuljum tela’ għal kważi 400,000, b’4,000 mewta kuljum.