Barranin
Ikkundannat għall-mewt wara li qatel diversi nisa fin-Niġerja

Raġel fin-Niġerja li nstab ħati għal serje ta’ omiċidji ġie kkundannat għall-mewt, bl-Imħallef jordna li jingħata l-forka.

Gracious David-West ta’ 40 sena ammetta li qatel tmien nisa u pprova joqtol id-disa’ waħda, li iżda baqgħet ħajja. Huwa wettaq dawn l-omiċidji f’lukandi f’Port Harcourt bejn Lulju u Settembru, bil-vittmi tiegħu spiss ikunu prostituti.

Il-każ qajjem rabja fin-Niġerja, u hekk kif il-lista ta’ nisa maqtula bdiet titwal, fit-toroq ta’ Port Harcourt bdew isiru l-protesti biex jinqabad il-qattiel.

Intqal li David-West kien iwiegħed lill-vittmi tiegħu li se jħallashom tajjeb għal ħinhom, u kien jiltaqa’ magħhom f’kamra ta’ lukanda. Wara li jkollu x’jaqsam magħhom kien jorbothom, jisirqilhom flushom, u jifgahom bil-lożor. L-aħħar vittma qalet li kienet ġiet stuprata.

Huwa ammetta li qatel ukoll sitt nisa oħra fl-istati ta’ Abia, Imo, Edo, Lagos and Edo, iżda ma ġiex akkużat dwarhom minħabba nuqqas ta’ evidenza.