Edukazzjoni
Ikkunsidrat stipendju ogħla għal studenti f’ċertu suġġetti

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, żvela ma’ TVM li l-Gvern għaddej b’taħditiet mal-Union tal-Għalliema biex jiżdiedu l-istipendji għal żgħażagħ li jridu jsiru għalliema ta’ suġġetti li l-pajjiż se jkollu sfida biex isib għalliema għalihom . . . fosthom għalliema tal-Ingliż, il-Matematika, ix-Xjenzi u l-Informatika. Waqt l-inawgurazzjoni ta’ binja ġdida tal-Union tal-Għalliema, il-Ministru Bartolo qal li din hi waħda mill-miżuri li qed ikunu diskussi mal-MUT biex il-pajjiż iħejji ruħu għall-isfida tan-nuqqas ta’ għalliema.

Fi kliem il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, il-pajjiż għaddej minn dik li sejjaħ battalja biex jinstabu għalliema f’diversi suġġetti fosthom l-Ingliż, il-Matematika, ix-Xjenzi u l-Informatika. F’kummenti lil TVM, il-Ministru Bartolo qal li l-Gvern qiegħed f’diskussjonijiet mal-Union tal-Għalliema biex jittieħdu għadd ta’ miżuri fosthom li jiżdied l-istipendju għal żgħażagħ li jagħżlu jsiru għalliema f’dawn is-suġġetti.

”Jien nemmen li biex nilqgħu għal din l-isfida fis-snin illi ġejjin, irrid naħsbu f’għadd ta’ miżuri differenti. Irridu nkun immaġinattivi u kuraġġużi u lesti nieħdu passi li s’issa ma ttiħdux.”

”Biex għas-snin illi ġejjin ikollna biżżejjed għalliema għax il-vantaġġ li għandna bħalissa – li l-għanda l-iktar korp ta’ għalliema żagħżugħ fl-UE, dawk jikbru wkoll u rridu naħsbu biex ikollna iktar għalliema.”

Il-Ministru Bartolo qal għal din is-sena akkademika 150 student u studenta universitarji għażlu li jkomplu jistudjaw biex isiru għalliema.

”Jien ferħan ħafna li din is-sena għandna d-doppju taż-żgħażagħ illi s-sena li għaddiet inkitbu fi programmi tal-edukazzjoni. Imma ma nistgħux noqogħdu kwieti u ngħidu li biżżejjed. Irridu nagħmlu iżjed.”

Waqt l-inawgurazzjoni ta’ uffiċini ġodda tal-MUT fil-Ħamrun, il-Ministru Bartolo qal li din il-binja mhijiex katidral f’deżert iżda se sservi għal xogħol ta’ fejda għall-għalliema. Mingħajr ma żvela dettalji, il-Ministru Bartolo qal li fiż-żmien li ġej se jittieħdu miżuri biex jitnaqqas il-piż tax-xogħol tal-għalliema.

Il-President tal-MUT, Marco Bonnici, qal li l-ftuħ tal-binja jaħbat fil-100 sena mindu twaqqfet il-union. Qal li l-MUT se tkompli tifrex l-operat tagħha biex taqdi l-ħtiġijiet tal-kważi 10,000 membru tagħha. Spjega li parti mill-binja se tintuża għal skopijiet kummerċjali biex l-MUT tiffinanzji diversi proġetti edukattivi.

”Il-pjan tagħna huwa li s-sena skolastika li jmiss nibdew bis-Sagħtar fl-iskejjel. Fl-istess punt nibdew ukoll bil-korsijiet li huma tant meħtieġa għall-għalliema. Korsijiet li huma ta’ formazzjoni professjonali u dan se jkun qed jieħu l-professional arm tal-MUT għal żvolta ġdida.

L-Arċisqof Monsinjur Charles J. Scicluna faħħar il-ħidma tal-għalliema għax qal li t-tagħlim huwa l-għajn ta’ kull ġid.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Ministeru għat-Turiżmu ħabbar li l-kuntratt ta’ konsulenza ta’ Konrad Mizzi ġie tterminat. Fi stqarrija intqal li dan sar wara li l-Ministru ħadet parir legali, u li f’dan l-istadju l-Ministeru jista’ jikkonferma…

Ikel

Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika qed iwissi lill-pubbliku dwar kejkijiet żgħar tad-ditta No Moo. Id-Direttorat qal li l-imsemmi prodott m’għandux jiġi kkunsmat minn persuni li huma allerġiċi…

Ambjent

Balavostri li nstabu mkissra fil-Barakka ta’ Fuq taw l-impressjoni ta’ att vandalu, iżda xhud fuq il-post qed isostni mod ieħor. Sezzjoni tal-balavostri biswit it-taraġ li jwassal għall-batterija tas-salut, instabu nieqsa…

Kronaka

Ħadd ma weġġa’ meta vann spiċċa fuq ir-roundabout magħrufa bħala tal-Imgħallaq, f’Ħal Qormi. Il-Pulizija qalet lil TVM li kienet infurmata bl-inċident għall-ħabta tas-1.15pm. Pulizija marru fuq il-post biex jinvestigaw, bid-dinamika…

Aktar