Qorti
Ikompli b’kawża kontra l-Kurunell Alex Dalli talli ma ħallihx jiżżewweġ minkejja li m’għadux mat-tfajla

Quddiem l-Imħallef Grazio Mercieca kompliet tinstema’ l-kawża kostituzzjonali li fetħu Meliza Muscat u l-eks sieħeb tagħha Yousef Essesi, kontra d-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

L-Avukati tal-partijiet informaw lill-Qorti li Meliza u Yousef ħassru u mhux beħsiebhom jiżżewġu iżda l-avukati ta’ Essesi jridu li l-kawża tibqa’ għaddejja għax qed jargumentaw li d-Direttur tal-Ħabs, li dak iż-żmien tal-każ kien il-Kurunell Alex Dalli xorta kiser id-drittijiet fundamentali tal-familja meta rrifjuta d-dritt lill-priġunier li jiżżewweġ. Qalu li l-kawża tittratta wkoll l-allegazzjoni tat-tortura fil-ħabs.

Għas-seduta tal-lum fil-Qorti deher biss Essesi li xehed fil-kontroeżami. Qal li huwa ntbagħat seba’ xhur iżolat waħdu fil-bidu ta’ Jannar 2018 u dan fih innifsu qal huwa tortura. Id-difiża tad-Direttur tal-Ħabs, argumentat li kien hemm diversi inċidenti li fihom kien involut Essesi u għalhekk ma setax jiżżewweġ għax skont ir-regoli tal-ħabs, bil-kondotta mċappsa minħabba kif iġib ruħu fil-ħabs, ma kienx intitolat biex japplika għal prison leave.

Il-provi mistennija jingħalqu f’Jannar u mbagħad tingħata s-sentenza.

Id-Direttur tal-ħabs jiddefendi d-deċiżjoni tiegħu li ma jħallix ħabsi jiżżewweġ