Unjoni Ewropea
Ikomplu l-konsultazzjonijiet b’ġurnata oħra impenjattiva fi Brussell

Fi Brussell qed ikomplu n-negozjati dwar il-Budget Ewropew. Wara laqgħa maratona li saret matul il-lejl li għadda, illum komplew il-konsultazzjonijiet u llejla qed jiġu ppreżentati proposti ġodda. U minkejja li jidher li seta’ jinstab kompromess, għadu mhux ċar jekk dawn il-proposti hux se jkunu biżżejjed biex jintlaħaq ftehim sal-lejla.

Huwa mument delikat, anzi kruċjali, għall-futur tal-Unjoni Ewropea. Hekk qed jiġu deskritti dawn is-sigħat tar-raba’ jum tal-Kunsill Ewropew li qed jiltaqa’ fi Brussell biex jiddiskutu l-budget għas-seba’ snin li ġejjin u budget ieħor ftit iżgħar biex jagħmel tajjeb għall-ħsara li ħasad il-coronavirus. U għalkemm bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd kien hemm diżgwid, jidher li issa fadal l-aħħar qadfa.

Mal-wasla tagħha fil-bini tal-Kunsill kmieni waranofsinhar il-Kanċillier Merkel ma qagħditx lura u ddikjarat “għandna l-qafas għal ftehim iżda għadna ma wasalniex”. Il-President Macron ammetta li l-jiem li għaddew kienu diffiċli iżda issa qal li jeżisti spirtu ta’ kompromess. Aktar kmieni anki l-Kanċillier Awstrijakk Kurz, wieħed mill-ħamsa li kienu qed iżommu l-ftehim, iddikjara ruħu sodisfatt b’dak li ġie diskuss matul il-lejl u ta x’jifhem li resqin lejn qbil.

Pożittiva wkoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.

”After 3 days and 3 nights of negotiation marathon we are now entering the crucial phase. I have the impression that the european leaders really want an agreement. They showed a clear will to find a solution. And we need a solution. The European citizens need a solution. The EU needs a solution and an agreement to overcome this crisis and to prepare the EU for the future. I am postitive for today. We are not there yet but things are moving in the right direction.”

Dak li jista’ jitqies bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba li ttieħed f’dan is-summit, ittieħed fis-sigħat bikrin tat-Tnejn filgħodu meta l-Kunsill kien waqaf għall-brejk. Flok 45 minuta, il-waqfa damet tliet sigħat u aktar bil-President tal-Kunsill Charles Michel jerġa’ jagħmel rawnd ieħor ta’ konsultazzjonijiet mal-mexxejja kollha. Fil-5.30am reġa’ laqqagħhom u informahom li kien se jaġġorna l-proposti tiegħu għall-Fond ta’ Rkupru mill-Coronavirus u aktar tard matul il-ġurnata kien se jressaq pakkett ġdid.

Hu mifhum li l-pakkett il-ġdid se jkun jinkludi massimu ta’ għotjiet sa 390 biljun ewro- tnaqqis mill-pakkett oriġinali – bil-bqija jingħataw bħala self. Hu mifhum ukoll li fil-pakkett il-ġdid il-ħlasijiet lura – ir-rebates – lill-pajjiżi l-aktar li jissussidjaw il-Budget Ewropew se jitnaqqsu.

F’dan il-kunest hemm min għadu xettiku. Il-PM tal-Lussemburgu mhux kuntent bit-tnaqqis komplessiv fil-budget kif qed jiġi propost, għalkemm lesta jilħaq kompromess. U l-PM Ungeriż għadu jista’ jilgħab il-karta tal-mandat li tah il-Parlament nazzjonali biex jekk irid… u l-pakkett ma jogħġbux….iwaqqaf kollox.

Jekk dawn il-punti jiksbu l-approvazzjoni tal-mexxejja kollha, ikun fadal il-kwistjoni tal-kundizzjonijiet li jridu jimponu grupp ta’ pajjiżi mmexxija mill-Olanda dwar il-ħarsien tas-saltna tad-dritt u l-governanza għall-pajjiżi tal-lvant u riformi strutturali fl-ekonomija tal-pajjiżi tan-nofsinhar. Anki jekk mhux se jintlahaq ftehim illejla imma għallinqas is-sitwazzjoni tidher ferm anqas imċajpra milli kienet sal-bieraħ.