Kultura
Iktar faċli biex tibni l-arblu tar-razza bl-aħħar akkwist tal-Arkivji Nazzjonali

Sal-lum ma kienx faċli li wieħed jikseb informazzjoni dwar l-antenati tiegħu li jmorru lura qabel l-1863 meta bdew jiġu rreġistrati kull twelid, żwieġ u mewt f’Malta u Għawdex.

Ħafna minn din l-informazzjoni hija miġbura fil-Ġuljana Letard-Ciantar li hi ġabra ta’ madwar 700 volum u mijiet ta’ dokumenti sfużi li issa qed tagħmel parti mill-kollezzjoni tal-Arkivji Nazzjonali. L-informazzjoni f’din il-kollezzjoni tibda mis-sena 1400 u tinkludi tagħrif dwar artijiet urbani, ċnus u arbli tar-razza.

Bl-aħħar akkwist li għamlu l-Arkivji Nazzjonali, se jkun aktar faċli li wieħed jibni l-arblu tar-razza tal-familja minn informazzjoni meħuda minn dokumenti pubbliċi.

Il-kollezzjoni tal-Arkivji Nazzjonali ssaħħet bil-Ġuljana Letard-Ciantar – li hija għodda bażika fir-riċerka ġenejoloġika – li tikkonsisti f’ġabra ta’ notamenti dwar twelid, żwiġijiet u mwiet.

L-Arkivista Nazzjonali, Charles Farrugia qal li riċerka f’dan l-aspett kienet tbati minħabba li r-Reġistru Pubbliku beda jirreġistra kull twelid, żwieġ u mewt f’Malta u f’Għawdex mill-1863.

“Biex tmur qabel dik id-data trid tmur bilfors fl-arkivji parrokkjali u allura dak jista’ jfisser ħafna ġiri minn post għall-ieħor u inkonvenjenza.
Din hija l-aktar ġuljana estensiva qed nitkellmu madwar seba’ mitt volum li tkopri l-pajjiż kollu u li f’post wieħed meta ‘l quddiem tkun katalogata u miftuħa għall-pubbliku minnha wieħed jista’ jagħmel din it-tip ta’ riċerka.”

Il-Ġuljana Letard-Ciantar tinkludi dokumenti li jvarjaw minn twelid, imwiet, kuntratti, atti notarili, legati, ċnus u testmenti, donazzjonijiet, u konċessjonijiet dwar titoli ta’ nobbiltà f’Malta u Għawdex.

Hu magħruf li f’Malta hawn ħames ġenejoloġisti ewlenin li ġabru ġuljana, li tlieta minnhom jinsabu f’kollezzjoni pubblika: il-Ġuljana Goffredo Adami fil-Biblioteka Nazzjonali, il-Ġuljana Masini f’Għawdex u issa l-Ġuljana Letard-Ciantar fl-Arkivji Nazzjonali. Din il-kollezzjoni bdiet tinġabar aktar minn mitejn sena ilu u baqgħet tiġi aġġornata sa ftit ilu.

“Din kienet ġenejoloġija fi żmien il-Maġistrat Nicola Letard li miet fl-1831 u kellu diversi tfal u hu miet żgħir ħafna u wieħed mit-tfal tiegħu jidher li kellu tifla miżżewġa Scerri u kienet niżlet għand il-familja Scerri u mbagħad baqgħet teżisti fortunament sal-lum permezz tal-werrieta u d-dixxendenti tagħhom,” qal Ray Mangion, President tal-Kunsill għall-Arkivji Nazzjonali.

Fl-Arkivji Nazzjonali fir-Rabat, il-Ministru responsabbli mill-wirt nazzjonali, Josè Herrera tenna l-pjani tal-gvern li jsir investiment f’binja kbira f’Ta’ Qali li tiġbor taħt saqaf wieħed l-arkivji kollha tal-istat.

Aħbarijiet Oħra

Studju maħruġ minn diversi esperti Maltin fil-qasam tas-saħħa fosthom il-Professur Charmaine Gauci, jgħid li Malta qed tesperjenza t-tieni mewġa ta’ Covid-19 kawża ta’ żewġ avvenimenti tal-massa li saru fis-sajf. Fl-istudju…

Il-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, permezz tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi, bħalissa għaddej b’sejħa ta’ reklutaġġ ghal Compliance Officers ġodda, dan bil-għan li d-Dipartiment isaħħaħ l-infurzar sabiex dejjem aktar nassiguraw li…

Ħamsin sena ilu Villa Bighi ntużat għall-aħħar darba bħala sptar, wara 167 sena ta’ servizz kontinwu. Wirja permanenti fiċ-ċentru interattiv għax-xjenza l-Esplora tikkomemora l-perjodu meta l-binja kienet isservi bħala l-isptar…

Aktar