Xogħol
Iktar minn 2,500 multa għal irregolaritajiet fuq il-post tax-xogħol f’7 snin

Fi sbatax-il sena kemm ilha mwaqqfa l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, OHSA, l-uffiċjali ta’ din l-Awtorità wettqu 39,382 spezzjoni f’diversi postijiet tax-xogħol. Mill-2012 iddaħħlet is-sistema li l-Awtorità tkun tista’ toħroġ il-multi meta jkun hemm abbuż, u f’seba’ snin inħarġu iżjed minn 2,500 multa li ammontaw għal madwar miljun u ħamsa u għoxrin elf ewro.

Fl-aħħar ġranet il-Qorti tat sentenza ta’ ħabs sospiża u multa għall-ksur tal-liġi tas-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol. F’din is-sentenza, kuntrattur ġie immultat 2,250 ewro u ikkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati ta’ ksur tar-regolamenti għas-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol li wassal biex weġġa ħaddiem.

Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Dr Mark Gauci, qal li sentenza bħal din turi li l-qorti qed tagħraf il-gravità u l-impikazzjonijiet varji meta ma jitħarsux ir-regolamenti dwar is-saħħa u s-sigurtà.

“Kull darba li jweġġa’ ħaddiem jew jimrad minħabba xi ħaġa li tkun ġrat fuq il-post tax-xogħol, ħa jkun hemm konsegwenzi kbar u konsegwenzi mhumiex biss għal dak il-ħaddiem li jimrad jew ikorri, imma ankè għal dawk li jħaddmu, għas-soċjetà inġenerali. Kull persuna li timrad jew tkorri se tirrikorri għand is-servizz tas-saħħa minħabba l-kura r-rijabilitazzjoni, ħa jkun hemm impatt fuq is-servizz soċjali minħabba li persuna se tagħmel żmien twil ‘il bogħod mix-xogħol u allura tkun qegħda sick leave. Se jkun hemm ukoll effett fuq il-familjari tal-vittma. Jiġifieri dawn it-tip ta’ sentenzi qegħdin jirrikonoxxu l-gravita’ tan-nuqqas ta’ saħħa u sigurtà.”

Fl-aħħar jiem ukoll inħarġu regolamenti ġodda dwar kimiċi li jekk wieħed ikun espost ħafna għalihom jistgħu jwasslu għall-marda tal-kanċer. Dr Gauci qal li fost affarijiet oħra dawn ir-regolamenti jistipulaw għal kemm ħin ħaddiem jista’ jkun espost għal kimika li taqa’ fil-lista.

“Importanti li jittieħdu l-miżuri mhux biss billi jkunu rispettati dawn il-valuri ta’ espożizzjoni, imma li jittieħdu l-miżuri kollha kif stabbiliti fir-regolamenti oriġinali, fosthom li jkun hemm informazzjoni, li jittieħdu miżuri tekniċi, li jkun hemm sorveljanza tas-saħħa tal-ħaddiema, kif ukoll bħala l-aħħar miżura li jintużaw ilbies personali protettiv.”

Dr Gauci qal li l-ispezzjonijiet fuq il-postijiet tax-xogħol huma biss waħda mir-responsabbilitajiet tal-OHSA. Spjega li l-awtorita twassal informazzjoni, tfassal linji gwida biex min jimpjega jimxi mar-regolamenti u tagħmel riċerka u infurzar tal-liġijiet. Enfasizza li l-OHSA mhijiex l-unika entità f’dan il-qasam, minħabba li hemm ukoll nies kompetenti li jitqabbdu minn dawk li jħaddmu u wkoll il-ħaddiema nfushom li kollha kemm huma għandhom jerfgħu r-responsabbilità għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol.