Kultura
Iktar minn 350 presepju taħt saqaf wieħed

Il-presepju huwa l-aktar rappreżentazzjoni awtentika tal-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù Bambin. Matul iż-żmien ħafna taw lill-presepju l-forma li riedu huma tant li nħolqu mijiet ta’ presepji differenti. 9 snin ilu Michael Caruana għażel li jibni kollezzjoni ta’ dawn il-presepji.

Mindu San Franġisk ħoloq il-presepju, matul iż-żminijiet dan ingħata diversi għamliet li jirriflettu kulturi u popli differenti. L-Artisti ta’ kull żmien trattaw il-ġrajja tal-Milied skont l-esperjenzi tagħhom u interpretaw l-immaġni tal-familja sagra skont il-ħtiġijiet tagħhom.

Mijiet ta’ presepji żgħar li nġibu minn kull rokna tad-dinja joħolqu mhux biss sens ta’ sodisfazzjoni għall-Michael Caruana iżda wisq aktar jorbtuh ferm aktar mal-fidi Nisranija. Michael Caruana li għal snin sħaħ kien l-editur tal-gazzetta Leħen is-Sewwa żar diversi postijiet minfejn ġab presepji differenti ta’ qies żgħir u ta’ kull għamla u forma.

Stivati fil-vetrini fid-dar ta’ Michael Caruana hemm 357 presepju li fihom għandhom kważi elfejn figura bejn pasturi u ornamenti oħrajn. Caurana jgħid li dawn il-presepji huma magħmula minn diversi materjali.

Għal Michael Caruana li huwa wkoll editur ta’ diversi pubblikazzjonijiet il-Milied ifisser rabta qawwija mal-fidi Nisranija għalhekk ried bil-kollezzjoni tal-presepji jkompli jsaħħaħ fih dik drawwa ta’ meta kien tifel meta kien jarma l-presepji biex ifakkru fil-ġrajja tat-twelid tas-Salvatur.