Kurżitajiet
Iktar minn 5 miljun persuna saru miljunarji waqt il-pandemija

Matul l-2020 kien hemm 5.2 miljun persuna li saru miljunarji għall-ewwel darba, biex l-ammont ta’ miljunarji madwar id-dinja laħaq 56.1 miljun.

Skont riċerka ta’ Credit Suisse, kiber id-distakk fil-ġid tan-nies, fejn b’mod ġenerali l-pandemija żiedet il-ġid ta’ dawk li kienu diġà qegħdin f’pożizzjoni finanzjarja pjuttost tajba, waqt li kompliet titfa’ lura lil dawk li kienu diġà mgħakksin.

Dan jidher li seħħ primarjament minħabba l-irkupru tas-swieq finanzjarji lejn nofs is-sena, kif ukoll żieda qawwija fil-prezzijiet tal-proprjetà.

Dawk li ma kellhomx investimenti jew proprjetà sabu ruħhom f’pożizzjoni iktar żvantaġġata milli kienu qabel il-pandemija, waqt li l-oħrajn stagħnew.

Skont il-Global Wealth Report, fl-2020 il-ġid globali żdied b’7.4%.

Anthony Shorrocks, awtur tar-rapport, jgħid li minkejja din iż-żieda, jekk wieħed jaqta’ barra l-assi, bħal proprjetà, isib li fir-realtà il-ġid globali ta’ kull familja naqas.

Iżid iżda li dawn il-fatturi jistgħu jirranġaw ruħhom maż-żmien, fejn meta jibdew jogħlew ir-rati tal-interess, ikun hemm daqqa ‘l isfel fil-valur tal-assi.