Xogħol
Iktar minn 6,500 impjegat tal-gaming f’Malta fl-2017

L-Awtorità tal-Logħob tistma li sa tmiem l-2017 l-industrija tal-gaming f’Malta kienet qed timpjega kważi sitt elef u seba’ mitt (6,673) impjieg full-time, li kważi tliet kwarti minnhom (72%) huma barranin.

Fl-istess perjodu, it-tliet mitt operatur liċenzjat mill-MGA rrappurtaw 781 post tax-xogħol li baqgħu ma mtlewx mill-ewwel, jiġifieri medja ta’ impjieg minn kull tmienja.

F’dan l-isfond, l-Awtorità tal-Logħob għamlet studju fost l-operaturi biex tifhem aħjar l-isfidi li qed jaffaċċjaw biex isibu l-ħaddiema bil-ħiliet meħtieġa. Fost l-oħrajn instab li seba’ minn kull għaxar postijiet vakanti kienu f’livell ta’ operat u terz tal-postijiet disponibbli damu aktar minn tliet xhur biex jimtlew.

28% ta’ dawk intervistati qalu li l-akbar sfida hi n-nuqqas ta’ esperjenza, wara semmew il-kompetizzjoni minn kumpaniji oħra fis-settur (27%) u 21 fil-mija oħra semmew in-nuqqas ta’ kwalifiki. Ftit aktar minn terz tal-kumpaniji qalu li jorganizzaw taħriġ għall-impjegati bil-ħsieb li jindirizza l-isfida tal-ħiliet limitati.

L-Awtorità tal-Logħob qalet li fl-aħħar snin ittieħdu bosta inizjattivi f’dan ir-rigward fosthom it-twaqqif tal-European Gaming Institute of Malta flimkien mal-MCAST fl-2017 li sa issa attira kważi mitt student għall-kors ta’ igaming diploma, b’21 student bdew esperjenza ta’ apprentistat ma’ seba’ kumpaniji.

L-istudju juri li s-sistema tal-edukazzjoni jista’ jkollha sehem akbar biex tindirizza l-isfida tan-nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet u ġie rrakkomandat programm strutturat ta’ apprentistat għall-istudenti li jagħtihom l-opportunità jiksbu aktar għarfien akkademiku u vokazzjonali.

Aħbarijiet Oħra
Temp

L-uffiċċju meterjoloġiku qed iwissi li r-riħ mill-Majjistral ser ikun qawwi f’xi waqtiet fuq l-inħawi fejn jaqbel tal-Gżejjer Maltin. Ir-riħ mistenni jilħaq qawwa ta’ forza 6.

Kronaka

Dalgħodu, għall-ħabta tas-6:30, raġel Malti ta’ 72 sena nstab mejjet fiċ-ċella tiegħu. B’dan il-każ ġew infurmati minnufih il-pulizija tad-distrett biex jinvestigaw, u nħatret inkjesta bil-Maġistrat tal-Għassa, kif ukoll inkjesta interna.

Lokali

Tħabbret il-mewt taċ-Chairman tal-Bord tal-Housing Affordabbli,  Joseph Bartolo. Magħruf ukoll bħala l-Isloopy, Bartolo kien ukoll consulent fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Bosta qalu li se jibqgħu jiftakruh bħala riformatur soċjali u bejjiegħ…

Aktar