Lokali
Iktar minn 7,000 negozju se jibbenefika minn estensjoni tal-iskema MicroInvest

Iktar minn 7,000 negozju li l-maġġoranza tagħhom joperaw bl-ingrossa u l-imnut se jibbenefikaw minn estensjoni tal-iskema Micro Invest imħaddma mill-Malta Enterprise. L-iskema hi maħsuba biex tgħin persuni li jaħdmu għal rashom u negozji li jħaddmu sa 50 ruħ.

Waqt li elenkat id-dettalji tal-iskema, il-Ministru għall-Intrapriża, Miriam Dalli, qalet li f’sentejn u nofs il-Gvern approva €84 miljun f’għajnuna permezz ta’ tnaqqis fit-taxxa għal dawn in-negozji.

Imġedda sa tmiem is-sena 2023 l-iskema Micro Invest imħaddma mill-Malta Enterprise maħsuba biex tagħti nifs lill-persuni li jaħdmu għal rashom u negozji li jħaddmu sa 50 ruħ. Hu stmat li iktar minn 7,000 intrapriża se jgawdu minn tnaqqis fit-taxxa, bil-maġġoranza tal-benefiċjarji huma negozji bl-ingrossa u l-imnut, segwiti minn negozji fil-qasam tal-akkomodazzjoni u stabbilimenti tal-ikel.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, qal li l-investimenti eliġibbli għall-iskema s’issa kienu għal investimenti f’magni u apparat, assistenza fuq pagi, xiri ta’ vetturi tax-xogħol u rinovar. Is-Sur Farrugia spjega li l-iskema ġiet aġġornata biex jiddaħħlu elementi ġodda.

“Se nkunu qed nassistu wkoll djar tal-anzjani u anke djar oħra jew sptarijiet għal kura temporanja jew żmien itwal, u se nkunu qed naraw ukoll għal inċentiv daqsxejn aħjar minn internal combustion engines – jiġifieri karozzi jaħdmu bil-fuel – sabiex ninċentivaw l-operaturi kemm ta’ karozzi li jieħdu l-passiġġieri biex jibdlu l-karozzi tagħhom għal plug-in hybrid jew vetturi tal-elettriku.”

Il-Ministru għall-Intrapriża, Miriam Dalli, qalet li bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, ġie mġedded bi tliet snin iċ-ċertifikat ta’ validità tan-negozji li kien jiskadi sas-sena 2023. Il-Ministru Dalli qalet li mill-2019, ġew approvati €84 miljun f’ċertifikati ta’ taxxa b’appoġġ għall-intrapriżi.

“Din hi xi ħaġa li r-rappreżentanti ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema talbuna biex inħallu dawn il-flus f’idejn in-negozji. Irridu ngħinu lin-negozji biex nipproteġu l-impjiegi u ngħinu lin-negozji f’dan iż-żmien ta’ pandemija jistgħu jinvestew f’affarijiet li lilhom jgħinhom jikbru u jiddiversifikaw.”

L-applikazzjonijiet għal din l-iskema se jibqgħu jintlaqgħu mill-Malta Enterprise sa Novembru li ġej.