Lokali
Iktar minn 900 rapport ta’ abbuż online fuq tfal

Filwaqt li s-sena l-oħra ġew irrappurtati mas-700 każ ta’ abbuż fuq minorenni permezz tal-internet, fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, il-każi ta’ abbuż irrappurtati diġà qabżu d-disa’ mija. TVM tkellem ma’ Deborah Vassallo, uffiċjal fl-aġenzija Appoġġ li qalet li kull każ jiġi investigat u tingħata l-għajnuna meħtieġa lit-tfal u l-ġenituri tagħhom.

Uffiċjal tal-Aġenzija Appoġġ Deborah Vassallo qalet li huwa nkwitanti li filwaqt li bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena, il-każi ta’ abbuż fuq tfal mill-internet diġà jammonta għal 919, madwar 200 iktar mis-sena l-oħra.

Is-sinjura Vassallo qalet li dan l-abbuż online qed isir meta t-tfal ikunu qed jutilizzaw diversi applikazzjonijiet fuq l-internet, jew permezz tal-mobile, jew komputer u anki tablets. TVM staqsa għaliex qed jiżdid dan l-abbuż fuq minorenni mill-internet.

“Waħda mir-raġunijiet hi li t-tfal qed iqattgħu online, minħabba l-pandemija, tfal ma kinux skola, u minħabba n-nuqqas ta’ kuntatt fiżiku ma’ sħabhom”.

Is-sinjura Vassallo qalet li qed jidħlu każijiet ta’ abbuż meta t-tfal ikunu qed jilgħabu diversi logħob fuq l-internet ma’ tfal oħra online, b’dawk li jabbużaw jinħbew b’mod taparsi jkunu tfal, meta fil-verità jkunu adulti li jispiċċaw jabbużaw mit-tfal b’diversi modi, u anki jippersegwitawhom. Is-sinjura Vassallo qalet li meta jidħol rapport l-Aġenzija Appoġġ flimkien mat-tim ta’ Besmartonline, issir investigazzjoni iżda tingħata wkoll għajnuna lit-tfal flimkien mal-ġenituri tagħhom.

“Jista’ jkollok online players li ma tafhomx, u fost l-online players, u l-pandemija fetħet il-bieb għall-online predators, ifittxu lit-tfal u jagħmlu xi forma ta’ azzjoni ħażina bħal ritratti biex jaqbduhom fin-nassa tagħhom”.

Is-sinjura Vassallo appellat lit-tfal biex jitkellmu jekk qed iħossuhom abbużati, biex jingħataw l-għajnuna li hemm bżonn, jieqaf l-abbuż u jinqabdu wkoll dawk li qed jabbużaw.

“Importanti li jekk xi ħaġa qed tiġrilhom it-tfal, jitkellmu ma’ xi ħadd, jew ma sħabhom, guidance, ġenituri, anki jekk xi ħadd qed jiktbilhom ġo chat u dejjqithom”

Tfal jew anki adulti li jridu għajnuna minħabba dan it-tip ta’ abbuż jistgħu jmorru fis-sit childwebalert.gov.mt jew, Besmartonline.org.mt jew b’telefonata fuq 179. Biex titqanqal kuxjenza fuq id-dritt li t-tfal ikunu ħielsa minn kull abbuż, jirrapurtaw u jfittxu l-għajnuna meta dan iseħħ, għada huwa l-Jum Ewropew għall-protezzjoni tat-tfal kontra l-esplojtazzjoni u abbuż sesswali li jitfakkar kull sena mill-Kunsill tal-Ewropa