Lokali
Iktar pakketti milli ittri – is-servizz tal-Maltapost jevolvi maż-żmien

F’ġurnata xogħol, il-Maltapost tipproċessa iktar minn 100,000 ittra u pakkett li jridu jitqassmu fid-djar f’Malta u Għawdex. Fis-sena, jaqbżu t-30 miljun bejn ittri u pakketti li l-Maltapost twassal fid-djar Maltin u Għawdxin.

F’dinja li ma kull ġurnata ssir iktar kummerċjali, il-posta trid ukoll tkompli taġġorna ruħha max-xejriet tax-xiri ġodda – b’mod partikolari x-xiri online.

Il-Kap tal-Operat tal-Maltapost qal lil Television Malta li l-kumpanija trid tkompli timxi lejn servizz li jaqdi lill-komunikazzjoni moderna.

Pakketti minflok ittri, era diġitali minflok dik tradizzjonali, u s-servizzi tal-posta kellhom ukoll jaddattaw l-rwol tagħhom fil-komunikazzjoni moderna.

Fil-ġimgħa li matulha ġie ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Posta, il-posta tradizzjonali qed tonqos b’tali mod li l-pustiera llum-il ġurnata qed iqassmu iktar pakketti bix-xiri online milli ittri.

Il-Kap tal-Operat fil-Maltapost, Adrian Vassallo, qal li l-bidla diġitali ġabet magħha opportunitajiet ġodda fil-kummerċ elettroniku u b’hekk il-konsumaturi jistgħu jakkwistaw kull prodott li jridu minn ħwienet f’kull rokna tad-dinja.

“Għal dan il-għan il-posta qed tagħti lill-pustiera tagħha l-għodda neċessarja biex tkun tista’ tqassam dawn il-pakketti u qed ninvestu f’vetturi elettriċi li qed nagħtu lil kull pustier li jmorru bil-mixi jew bil-mutur, u mbagħad nagħtuhom din il-vettura li tgħinhom iġorru iktar pakketti.”

Brexit, Covid-19 u l-kwistjoni tal-VAT – tliet fatturi li ppreżentaw sfidi partikolari bid-dewmien li nħoloq minħabba l-pandemija issa batta u r-ritmu reġa’ ġej għan-normal.

“Kien hemm il-bidla fir-regoli tal-VAT mill-1 ta’ Lulju, li għalkemm in-nies qishom ġew imbeżżgħa fil-bidu li ħa jkun hemm VAT fuq kollox, barra li se jkun hemm xi miżati ta’ pproċessar fuq kollox, is-sistema kif ġiet, speċjalment jekk il-bejjiegħ hu reġistrat mal-‘import one-stop-shop,’ is-sistema ġiet veru faċli u aħjar milli kif kienet qabel. Il-VAT titħallas dirett lill-bejjiegħ u meta jasal Malta ma jinqata’ l-ebda ħlas addizzjonali.”

Kaxxi tal-ittri, li sal-lum huma parti mill-ambjent urban tagħna, hawn mal-ħames mija mxerrda ma’ Malta u Għawdex, u ta’ kuljum minn kmieni jibda x-xogħol biex l-ittri jinġabru u jittieħdu biex jiġu ssortjati u finalment imwassla fid-djar.

Barra minn hawn tinġabar ukoll il-posta u l-pakketti mill-ajruport u mill-fergħat postali.

Il-Maltapost illum-il ġurnata tħaddem 860 impjegat li minnhom iktar minn 220 huma pustiera. Neville Galea ilu 20 sena jaħdem mal-kumpanija u qal li l-kuntatt man-nies kuljum huwa l-ikbar sodisfazzjon għall-pustier. Qal ukoll li l-Milied jibqa’ l-iktar żmien bieżel.

“Il-Milied jibqa’ l-peak tax-xogħol għall-posta u tqis ukoll li f’Novembru jkun hemm il-Black Friday, allura dak iż-żmien jżid il-volum il-kbir u minn hawnhekk nappella lin-nies biex għal żmien il-Milied jaħsbu minn qabel ħalli l-pakketti li jordnaw jaslu fil-ħin.”

L-opportunitajiet ġodda fil-kummerċ elettroniku jitfgħu sfida ikbar fuq l-operat tal-Maltapost, bil-Kap tal-Operat jgħid li l-għan tal-kumpanija hu li tkompli tevolvi s-servizzi tagħha biex jirrispondu għall-ħtigijiet tas-suq u l-konsumaturi.