Enerġija
Iktar trasport pubbliku b’xejn u charging points pubbliċi fl-istrateġija tal-Gvern għat-tnaqqis tal-karbonju

Il-Gvern ħabbar strateġija li se tkompli twassal lejn ekonomija li sa 30 sena oħra tkun ħielsa mill-użu tal-karbonju. Fil-qofol tagħha l-istrateġija tippreżenta diversi miżuri għall-bidla f’oqsma li jikkawżaw ħsara ambjentali fosthom it-trasport, l-industrija, l-bini u l-iskart.

Barra minn hekk, il-Gvern nieda wkoll green paper dwar l-użu ta’ vetturi aktar nodfa fit-toroq bil-għan li jonqos it-tniġġis fl-arja, hekk kif l-ikbar sors tiegħu huwa t-trasport.

Estensjoni ta’ trasport pubbliku b’xejn, l-użu ta’ vetturi tal-elettriku u installazzjoni ta’ charging points pubbliċi għall-vetturi tal-elettriku huma fost il-miżuri li l-Gvern qed iħares biex Malta ma tużax iktar l-karbonju sas-sena 2050.

Dawn il-miżuri ġew ppreżentati fi strateġija għat-tletin sena li ġejjin, bi prijorita’ lil miżuri l-aktar effiċjenti u vjiabbli sabiex jitnaqqas it-tniġġis li jiġġeneraw l-enerġija, il-bini, it-trasport, l-industrija, l-iskart, l-agrikoltura u l-ilma.

Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, Aaron Farrugia, qal li fl-istess ħin din l-istrateġija se tadatta għat-tibdil fil-klima filwaqt li tilħaq il-mira nazzjonali tal-klima 2030 ta’ Malta li toħroġ mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Ma’ Television Malta huwa semma wkoll skemi għal rinnovazzjoni f’bini pubbliku u s-separazzjoni minn qabel għall-iskart inkluż il-ġbir ta’ Bijoskart. “Huwa pjan ‘costed’, nafu fejn se twassalna, huwa pjan maqsum fi tliet partiet sal-2030, 2040, 2050. Huwa pjan li jmiss ma’ kull settur, primarjament it-trasport, l-enerġija u oqsma oħra, u allura qed naraw li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu.”

Waħda mill-miri ewlenin li Malta trid tilħaq sal-2030 hija t-tnaqqis tal-ħruġ tal-gassijiet serra, li jagħmlu ħafna ħsara ambjentali, bit-tniġġis fl-arja. Il-mira ta’ pajjiżna hija li dawn jonqsu b’19% meta mqabbel mal-2005. Wieħed mis-setturi li jikkontribwixxi għal emissjonijiet għolja huwa t-trasport. Għal dan il-għan illum tnediet ukoll green paper li se tkun qed tħares lejn l-użu ta’ vetturi aktar nodfa fit-toroq.

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli, qalet li din il-green paper titlob ir-rispons tal-pubbliku dwar meta għandhom jieqfu jiġu impurtati karozzi b’magna li taħdem bil-petrol jew bid-diesel. “Din hija tranżizzjoni li rridu lin-nies fil-qasam tat-trasport ikunu parteċipi fit-tranżizzjoni għalhekk nedejna numru ta’ alternattivi. Finalment irridu li kull ma nagħmlu n-nies ikunu parteċipi fiha.”

Fost il-miżuri elenkati l-Gvern wiegħed li se jmexxi bl-eżempju u se jkun qed jaqleb il-flotta tal-vetturi tiegħu għall-elettriku. Dr Dalli fakkret li bl-ebda mod ma tfisser li min għandu karozza tal-petrol jew tad-diesel sad-data magħżula jkollu jneħħiha, imma tfisser li ma jkunux jistgħu jibqgħu jiġu importati dawn it-tip ta’ karozzi f’pajjiżna.

Il-konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija u l-green paper tintemm fit-13 ta’ Lulju li ġej.