Qorti
Iktar xhieda jikxfu x-xiri tal-karozzi lussużi tal-aħwa Degiorgio

Fil-Qorti ssuktat il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tal-aħwa Alfred u George Degiorgio u s-sieħba ta’ George, Anca-Adelina Pop, mixlija b’ħasil ta’ flus. Illum xehdu diversi aġenti tal-karozzi dwar ix-xiri u trasferimenti ta’ karozzi lussużi. L-aħwa Degiorgio, George u Alfred, huma akkużati wkoll bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Mark Buġeja qal li fl-2013 kien importa Mitsubishi użatha mill-Ingilterra u kien biegħha lil George Degiorgio. Qal li ma jiftakarx kemm kien l-ammont imma qal li kien tħallas għalkemm ma setax jiftakar jekk tħallasx b’ċkk jew flus kontanti.

Osama Mbajha Elbieri, Libjan li jgħix Tal-Pietà, xehed dwar Audi Q3 li kien biegħ lil aġent tal-karozzi f’Ħal Qormi. L-aġent Sean Vella mis-Swieqi qal li dan kien fl-2016 u minn dak iż-żmien biddel in-natura tan-negozju u minflok aġenti tal-karozza rama bil-karozzi tal-kiri f’San Ġiljan. Fix-xhieda tiegħu qal li ma setax jiftakar lil min kien biegħha għax qal li kif jgħaddu sitt xhur mill-bejgħ u ma jkunx fadallu flus x’jieħu, ma jżommx il-karti. Mistoqsi jekk jagħrafx lil xi ħadd fl-awla li biegħlu l-Audi Q3, is-Sur Vella wieġeb li mhu jagħraf lil ħadd.

Xehed ukoll Bernard Attard li qal li kien iltaqa’ ma’ George Degiorgio li kien talbu jirreġistralu BMW ħamra ma’ Transport Malta. Qal li kien George Degiorgio li mporta l-karozza u lilu talbu biss jirreġistraha.

Id-direttur ta’ numru ta’ kumpaniji fosthom J. Zammit Limited, xehed dwar Corvette C7 li kien xtraha hu fl-2015 u biegħha lil ċertu Charles Filletti. Qal ukoll li kienu qed ibiegħu Audi Q7 lil Anca-Adelina Pop li identifikha fl-awla, iżda peress li l-ftehim qatt ma’ ġie iffirmat u ma tħallas xejn mill-bilanċ, kienu reġġgħu lura n-negozju. James Zammit xehed li kienu tawha Mercedes Benz għax qablu li din taqta’ d-depożitu fuq l-Audi Q7. Żied jgħid li l-Audi ilu għandu xi sitt xhur u għax miżmum mill-Qorti ma jistax ibiegħu. Żied jgħid li l-Mercedes kien tpartat ma’ BMW modern u li dan in-negozju kien sar għand meknak ma’ xi ħadd Degiorgio iżda hu ma kienx preżenti.

Xehed ukoll is-sid ta’ restorant fil-Qawra, Omar Caruana li mistqosi dwsar il-Corvette li rċieva mingħand Charles Filletti, huwa qal li l-karozza qatt ma kienet għandu u li kienet dejn. Qal li kellu karozza Audi u l-corvette riedha Adrian Agius. Qal li parti mill-flus, €25,000 kienu għall-Audi tiegħu.

L-avukat difensur David Gatt staqsa lill-Ispettur Antonovitch Muscat jagħti iktar dettalji li wieġeb kif is-somma ta’ €38,000 għaddiet bejn Pop u bejn Western Union bejn Mejju 2013 u Jannar 2018, bl-eżatt ma jafx kemm kien pagament fix-xahar, imma aktar minn €1,000 ma jistax jgħaddi pagament mal-Western Union.

Tressaq rikors f’isem Anca-Adelina Pop li fih intalbet li tingħata l-libertà proviżorja għaliex minnha jiddependu erbat itfal u diġà ilha ġimgħatejn miżmuma arrestata.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, iddeċidiet li tkompli tisma’ x-xhieda li fadal jitressqu mill-prosekuzzjoni għada fid-9am biex jagħti wkoll id-digriet tar-rikors. Insista li Pop trid tagħmel affidavit, li m’għandhiex passaport.

Ara wkoll:

Żvelati d-dettalji ta’ flejjes, karozzi u dgħajjes tal-aħwa Degiorgio

Aħbarijiet Oħra
Annimali

Grupp ta’ għaddasa li niżlu jgħoddsu f’Wied il-Għasri u Reqqa Point f’Għawdex ġew wiċċ imb’wiċċ ma’ skart mhux tas-soltu mormi fil-baħar. L-għaddasa sabu għadd ta’ ġlud tal-fniek mormijin fil-baħar. Bil-kurrent,…

Temp

L-Uffiċċju Metereoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed iwissi dwar riħ qawwi li se jaħkem il-gżejjer Maltin. Ir-riħ mit-Tramuntana għall-Majjistral ser ikun qawwi għal qawwi ħafna kultant fuq il-Gżejjer Maltin. Din…

Politika Lokali

Fi stqarrija, il-Gvern ta’ Malta qal li nnota d-dikjarazzjoni tal-familja Caruana Galizia wara r-riżultati tal-inkjesta fil-każ ta’ Egrant fuq allegazzjonijiet li oriġinalment għamlet Daphne Caruana Galizia. Il-Gvern qal li huwa…

Aktar