Knisja Maltija
“Ikun hemm mumenti li nibki quddiem it-tbatija” – l-Isqof Giovanni Cefai

Kważi xahrejn minn meta beda l-ħidma tiegħu bħala Isqof tal-prelatura ta’ Huancané fil-Peru, l-Isqof Giovanni Cefai qal li jkun hemm mumenti li jibki quddiem it-tbatija ta’ tfal u ommijiet li m’għandhom prattikament xejn. L-Isqof Cefai tkellem ma’ TVM dwar l-isfidi kbar li qed jiffaċċja f’din il-prelatura ġdida.

Monsinjur Giovanni Cefai miż-Żebbuġ Għawdex u membru tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl huwa l-ewwel Isqof tal-prelatura ta’ Huancané fil-Perù. Huwa beda uffiċjalment il-ħidma tiegħu bħala Isqof ta’ din il-prelatura fl-aħħar ta’ Ġunju.

F’Huancané, l-Isqof Malti litteralment irid jibda kollox mill-bidu.

Waqt żjara f’Malta, l-Isqof Cefai qal lil TVM li għalkemm ilu kważi għoxrin sena l-Perù, f’Huancané sab realtà totalment ġdida. Minbarra li tinsab mal-4,000 metru ‘l fuq mill-baħar, u allura hemm nuqqas ta’ ossiġinu u ħafna kesħa, fost l-akbar sfidi li qed jaffaċċja, semma l-lingwa u l-kultura.

Mons. Giovanni Cefai  qal “hija kultura ġdida ġol-Perù stess. Huma nies li ma jitkellmux Spanjol il-biċċa l-kbira tagħhom imma jitkellmu Aymara, qegħdin mal-border mal-fruntiera tal-Bolivja. Jiġifieri hemm ħafna sfidi ġeografiċi wkoll anke biex nivvjaġġaw it-tul ħames sigħat jew sitt sigħat drive biex imur minn ġenb għall-ieħor tal-prelatura tiegħi. Il-faqar kbir li hemm. Sitwazzjonijiet diffiċli.”

Monsinjur Cefai qal li flimkien ma’ tlettax-il saċerdot, il-Knisja li se jmexxi fi Huancané se tkun waħda li timxi fit-toroq qalb in-nies, li qal huma riservati ħafna.

Mons. Giovanni Cefai qal “sakemm jirbu l-fiduċja f’dak li jkun huwa wieħed mill-akbar sfidi. Allura bil-mod il-mod interrqu mat-toroq.”

L-isqof Malti qal li fi Huancané hemm bżonn ħafna għajnuna kemm spiritwali kif ukoll għajnuna soċjali.

Mons. Giovanni Cefai qal “ilni kważi xahrejn hemmhekk ngħix ma’ dawn in-nies. Hemm ħafna tbatija, rajt b’għajnejja. Ngħidilkom il-verità f’mument minnhom ma stajtx inżomm id-dmugħ meta t-tfal, it-tbatija tat-tfal u tal-ommijiet li m’għandhom xejn.”

L-Isqof Cefai għażel li jagħmel l-ewwel quddiesa tiegħu bħala Isqof, quddiem il-kwadru tal-Madonna ta’ Pompei fil-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt. Dan għaliex quddiem dan l-inkwatru, 121 sena ilu, il-fundatur tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, Giuseppe De Piro, ġietu s-sejħa li jħalli l-istudji tal-ligi u jibdu t-triq tas-saċerdozju.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud kompliet tinstema l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront tal-Perit Anthony Mangion ta’ 72 sena, il-Perit Roderick Camilleri ta’ 36 sena, Ludvic Dimech ta’ 36 sena u Nicholas Spiteri ta’…

Kunsilli Lokali

Il-Kunsill Lokali tal-Qala, ippreżenta żewġ rikorsi biex jiġu revokati permessi fil-lokal. Fi stqarrija, il-Kunsill qal li qħalkemm parti mis-siti ta’ dawn iż-żewġ permessi tinsab barra mill-iskema tal-iżvilupp (ODZ) dawn ġew…

Lokali

Mibnija f’waħda mit-toroq arterjali l-knisja ta’ San Ġużepp f’Santa Venera li għandha rabta mill-qrib ma’ San Ġorġ Preca għadha kif għaddiet minn programm ta’ restawr tal-faċċata u l-kampnar li sar…

Aktar