Kultura
Il-Baċir Numru 1 se jinbidel f’teatru

Nhar il-Ġimgħa u s-Sibt li ġej f’sitt postijiet madwar Baċir Numru 1 f’Bormla ser jittellgħu rappreżentazzjonijiet teatrali li ser jitrattaw diversi temi fosthom soċjali. L-attività ser tittella’ mill-Kunsill Lokali. Is-Sindku Alison Zerafa Civelli qalet li l-Cospicua Short Play Festival huwa immirat għal kulħadd.

Nhar il-Ġimgħa u s-Sibt li ġej sitt postijiet madwar Baċir Numru Wieħed f’Bormla ser jinbidlu f’teatri miftuħa permezz tal-Cospicua Short Play Festival li ser jittella’ mill-Kunsill Lokali bl-għajnuna tas-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali. Is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill ta’ Bormla Duncan Hall qal li fuq ħames snin din l-attività ser tikber.

Duncan Hall qal li “l-idea ntgħoġbot u ngħatajna fondi u l-kunsill lokali żidna mal-fondi biex l-attività kibret biex din il-ġimgħa ssir l-attività, li tikkonsisti f’sitt plays qosra ta’ 20 minuta, il-kitbiet huma kollha oriġinali, ġew vetted min-nies midħla sew tad-drama jiġifieri jidher li ser ikun hemm livell għoli”.

Ir-rappreżentazzjonijiet teatrali intitolati l-Abbandunati, Live-in, Kola tal-Ajru, ir-Ruzarju Mqaddes, Checkmate u Għażiż Trumpant ser jitrattaw diversi temi.

Joseph Galea, Direttur Artistiku qal li “aħna ħallejna lill-producers u lil min issottometta x-xogħlijiet tiegħu l-ġeneri u l-istili teatrali. Għandna taħlita ta’ ġeneri, satira, xogħol drammatiku, xogħol jitratta problemi soċjali, is-sitta li huma nista’ ngħid li huma differenti”.

Is-Sindku Alison Zerafa Civelli qalet li l-Kunsill Lokali Bormliż irċieva tmien sottomissjonijiet li minnhom intgħażlu sitta minn ġurija professjonali. Ir-rappreżentazzjonijiet ta’ bejn kwarta u għoxrin minuta ser ikunu mingħajr ħlas u wieħed jista’ jsegwihom waħda wara l-oħra fl-istess lejla. Il-Cospicua Short Play Festival ser jsir il-Ġimgħa u s-Sibt li ġej fit-Taraġ tat-Tarznari l-Antiki, f’Baċir Numu 1, Triq il-Pellegrinaġġ, fi Pjazzo Paolino Vassallo u fix-Xatt ta’ Bormla.