Il-bacon fil-Koran hu att ta’ provokazzjoni u mibegħda – komunità Musulmana

Il-komunità Musulmana Ahmadiyya f’Malta kkundannat b’mod kategoriku dak li sejħet bħala att ta’ vilifikazzjoni tal-Koran fl-Isptar Mater Dei.

Fi stqarrija, il-komunità Musulmana qal li l-att li seħħ ilbieraħ fil-multi faith room tal-isptar Mater Dei huwa wieħed ta’ provokazzjoni u mibegħda. Qalet li huwa wkoll ta’ dieqa li min wettaq dan il-ġest ħalla wkoll karta stampata bir-ritratt tas-saċerdot Jacques Hamel  li nqatel fi Franza taħt it-titlu “Vittma tal-Iżlam”. Il-komunità qalet li din l-istqarrija hija inġusta u irresponsabbli ħafna. Qalu li s-saċerdot maqtul mhux vittma tal-Iżlam iżda vittma tal-injoranza u ta’ persuni estremi li jsejħu lilhom infushom Musulmani. Madankollu qalu li l-għemil tagħhom mhux ġustifikat skont it-tagħlim tal-Iżlam u tal-Koran, il-ktieb qaddis tal-Musulmani.

Il-komunità Musulmana Ahmadiyya f’Malta appellat lill-popolu kollu biex jingħaqad, jibni pontijiet ta’ mħabba u rispett u mhux ħitan ta’ mibegħda.

Kmiendi dalgħodu l-Ministeru għas-Saħħa kkundanna dak li sejjaħlu att ta’ degradazzjoni.

Dan wara li persuna jew persuni li s’issa ma ġewx identifikati poġġew biċċiet ta’ bacon f’diversi kopji tal-Koran. Il-Ministeru wera dispjaċir u esprima solidarjeta’ mal-komunità Musulmana u kkundanna dawn l-atti irresponsabbli magħmula min-nies kodardi. L-Arċisqof Charles J Scicluna kkundanna wkoll dan l-att li sejjaħlu att ta’ tkasbir lejn il-Kuran.

L-awtoritajiet tal-Isptar Mater Dei rrappurtaw il-każ lill-Pulizija.