Politika
“Il-baġit li jmiss se jkun tajjeb minkejja l-effetti tal-Covid-19” – PM

F’intervista fuq One TV, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li l-baġit li jmiss se jkun tajjeb minkejja l-effetti tal-Covid, u se jiġu mwieżna dawk li qed ibatu fosthom il-pensjonanti, kif ukoll l-industrija tat-turiżmu. Qal li fi Brussell waqt is-summit speċjali din il-ġimgħa, wassal messaġġ b’saħħtu fosthom fuq l-immigrazzjoni, għax kburi li hu Malti u kburi b’pajjiżna. Dr Abela awgura lill-Kap il-ġdid Nazzjonalista Bernard Grech u stiednu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista biex jiddiskutu temi li jistgħu jieħdu l-pajjiż ‘il quddiem.

Intervistat fuq One TV, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li minkejja l-effetti tal-pandemija, il-baġit li jmiss se jkun wieħed tajjeb, u se jkunu mwieżna dawk li l-iktar qed ibatu fosthom il-pensjonanti, kif ukoll dawk li jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu. Dr Abela qal li l-baġit li jmiss se jixpruna l-proġetti nazzjonali, bil-Gvern iwettaq proġetti li jgħolli l-prodott tal-pajjiż għat-turiżmu, bi prijorità għal titjib ambjentali, tkomplija tat-tisbieħ tal-pajjiż, u iktar żamma ta’ ndafa.

Mistoqsi dwar is-summit speċjali tal-Kunsill Ewropew din il-ġimgħa, qal li kuntrarju għal min qed jgħid li jistħi li hu Malti, hu kburi li hu Malti, u jiftaħar li hu Malti, u f’suġġett jaħraq bħalma hu l-immigrazzjoni żamm pożizzjoni iebsa u ċara li pajjiżna huwa full up u ma jistax ikun li jibqa’ jdaħħal iktar immigranti. Dr Abela qal li matul Settembru, ma kien hemm ebda wasla ta’ immigranti rregolari, għaliex dawn inżammu milli jaslu Malta, filwaqt li d-dgħajsa bi 38 immigrant li waslet is-Sibt mill-Marokk, se ssir ħidma biex dawn imorru lura lejn pajjiżhom. Dr Abela appella lill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech biex dwar il-politika ta’ immigrazzjoni tinżamm pożizzjoni komuni li pajjiżna ma jiflaħx għal iktar immigranti, u b’hekk jingħataw ukoll widen lokalitajiet bħal dawk tal-Ħamrun, Marsa u San Pawl il-Baħar fejn l-immigrazzjoni qed tolqothom ħażin. Dr Abela appella wkoll lil Dr Grech li jappartjeni għall-istess għaqda li riedet titfa’ lilu, lill-brigadier tal-armata u lil membri tal-armata l-ħabs minħabba l-immigranti, biex jieqaf b’dan l-aġir. Appella biex l-oppiżizzjoni ma tfixkilx il-ħidma tal-Gvern biex iżomm il-waqfa ta’ immigranti f’pajjiżna.

Dr Abela qal li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista matul dawn ix-xhur tal-pandemija kien moħħhom biss biex jeleġġu kap ġdid, il-Gvern qassam 45 miljun ewro f’vouchers lin-nies, u li din wasslet biex tqanqlet mill-ġdid l-ekonomija. Qal li l-qgħad tnaqqas b’0.4 fil-mija, fejn fl-Ewropa dan tela’ b’0.8 fil-mija u li elf persuna li kienet qed tirreġistra għal impjieg, sabiet impjieg u li dan kien il-frott tal-politika ekonomika tal-pajjiż. Il-Prim Ministru qal li fix-xahar il-Gvern qed jinvesti €30 miljun f’suppliment għall-pagi biex ma jintilfx ix-xogħol u li grazzi għall-għaqal ta’ Gvern Laburista tul dawn l-aħħar seba’ snin, il-pajjiż seta’ jkun sod għad-daqqa tal-pandemija u fakkar li dan il-Gvern diġà vara din is-sena tlett pakketti finanzjarji qabel il-baġit li ġej.

Meta kien mistoqsi dwar in-nisa fl-isfera politika ta’ pajjiżna, il-Prim Ministru qal li l-Gvern bil-provi qed jagħti fiduċja lin-nisa f’karigi mill-iktar għolja, fosthom dik ta’ Dr Victoria Buttiġieg bħala l-avukat ġenerali u Prof Carmen Sammut, maħtura chairperson tal-PBS. Qal li għall-elezzjoni ġenerali li jmiss se jiddaħħal l-mekkaniżmu li permezz tiegħu l-Parlament se jara aktar rappreżentanza femminili. Dr Abela qal li jawgura politika lil hinn mit-tribaliżmu, iżda dik li ġġib l-għaqda nazzjonali. Qal li bħala Prim Ministru l-viżjoni tiegħu hi li l-poplu jingħata serħan il-moħħ, u li l-problemi jsolvihom il-Gvern, b’ħidma bieżla biex il-pajjiż jibqa’ miexi ‘l quddiem.