Politika
“Il-baġit ta’ għada se jkun ta’ serħan il-moħħ, tama u kuraġġ” – PM

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħabbar li bil-miżuri li se jitħabbru għada fil-baġit se jħallu €100 miljun fil-but tan-nies, jiġifieri tlett darbiet aktar minn baġits preċedenti. Dr Abela ħabbar ukoll li fil-baġit il-Gvern se jkompli jagħti s-suppliment tal-pagi u se jerġgħu jinħarġu l-vouchers. Qal li l-baġit se jirrifletti r-ruħ soċjali tal-Gvern fosthom b’miżuti mmirati għall-pensjonanti.

F’attività politika fl-Imdina, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li l-baġit se jirrifletti r-ruħ soċjali tal-Gvern, tant li filwaqt li fil-baġits preċedenti, kienu jitħallew €35 miljun fil-but tan-nies, dan il-baġit se jittrippla l-ammont għax se jħalli €100 miljun fil-but tan-nies. Dr Abela qal li l-Gvern Sema’ dak li jgħidu n-nies tant li se jkompli bis-supplimenti tal-pagi u se jerġa’ joħroġ l-iskema tal-vouchers. Il-Prim Ministu Abela qal li l-baġit se jkun imsejjes fuq tlett prinċipji, ir-ruħ soċjali, li jissaħħu x-xogħlijiet u n-negozji u li tissaħħaħ l-ekonomija b’mod sostenibbli. Qal li l-baġit se jkun qed jagħti tama, kuraġġ u serħan il-moħħ, biex minkejja l-isfida kbira tal-pandemija, il-ħajja tan-nies tibqa’ titjieb.

Dr Abela qal li għall-Gvern, l-edukazzjoni hijja kruċjali għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku u li se jkompli jsaħħaħ l-infrastuttura tal-pajjiż. Qal li l-ħaddiema barranin li wasslu għas-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna ma jistgħux jitneħħew, bil-fabbriki għad għandhom bżonn dawn il-ħaddiema biex jibqgħu għaddejjin. Dwar Għawdex, Dr Abela qal li se jiżdied l-investiment fl-infrastuttura diġitali, u l-proġett ta’ link permanenti għal Għawdex. Il-Prim Ministru qal li l-isport huwa kruċjali daqs l-edukazzjoni u li għalhekk se ssir il-pixxina fil-Kottonera u għaddej ix-xogħol fuq l-infrastuttura li hemm bżonn għal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar fis-sena 2023.

Dr Abela semma’ l-ipokrezija ta’ esponenti Nazzjonalisti li għamlu ħsara kbira għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna iżda kburi li din il-ħsara treġġgħet lura minn dan il-Gvern. Dwar is-saltna tad-dritt irrefera għal dak li qal il-Viċi President tal-Kunsill Ewropew dwar Malta, meta qal li l-pajjiżi li rreżistew dan il-kunċett għandhom iħarsu lejn l-avvanzi kbar li għamlet Malta. Dr Abela qal ukoll li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qed jitħalla jitmexxa minn dawk ta’ madwaru flok jiddeċiedi, fosthom meta kien hemm ewroparlamentari Nazzjonalista li tant ħadmet kontra Malta fil-Parlament Ewropew, dwar is-saltna tad-dritt, meta kien hemm il-każ serju tal-Bulgarija dwar saltna tad-dritt, ddefendiet lil dan il-pajjiż.

Waqt l-attività ta’ dalgħodu l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg ħabbar li se jinfetħu 3 flyovers oħra fil-proġett tal-Marsa Junction u fil-qrib li jiġu ffinalizzati b’kollox s-seba’ flyovers, u l-mini l-ġodda ta’ Santa Luċija.