Ambjent
Il-baħar jista’ jispiċċa vittma ta’ degredazzjoni ambjentali – Nature Trust

Nature Trust – FEE Malta qalet li hija ddiżżappuntata li l-baħar jaf ikun vittma ta’ degredazzjoni ambjentali minħabba li l-problema tal-iskart tal-kostruzzjoni mhux tiġi indirizzata u m’hemmx pjan fit-tul.

Fi stqarrija, Nature Trust irreferiet għar-rapporti li dehru fuq il-midja li kkwotaw lill-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi titlob biex tinstab żona fil-baħar għall-iskart tal-kostruzzjoni.

Qalet li wara li għal diversi snin din il-problema ma ngħatatx l-importanza li kien jeħtiġilha, issa l-iżvilupaturi qed isibu l-eħfef soluzzjoni dik li jarmu fil-baħar.

Hija nnotat li parti l-kbira tat-territorju tal-baħar huwa protett u li l-ambjent marritimu huwa sorz b’saħħtu għall-ekonomija tal-pajjiż – kemm fil-qasam tas-sajd u l-ħut kif ukoll tat-turiżmu.

Sostniet li filwaqt li tirrikonoxxi li l-iskart tal-kostruzzjoni huwa sorz kbir tal-iskart f’Malta, temmen li wieħed aħjar jipprevjeni minn qabel.