Lokali
Il-baħħara se jkollhom ċentru ta’ taħriġ f’Ħal Far

Il-koperattiva tal-piloti marittimi qed tinvesti €3 miljun f’ċentru ġdid state of the art għal riċerka u taħriġ marittimu. L-investiment tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, f’seminar li tratta s-sigurtà fil-Port il-Kbir u fil-Port ta’ Marsaxlokk.

Iċ-ċentru, Maritime MT, qed jinbena f’Ħal Far u se jkun lest sal-bidu tas-sena d-dieħla.

It-taħriġ li l-koperattiva toffri sallum jiffoka l-aktar fuq il-piloti marittimi iżda biċ-ċentru l-ġdid se jitfassal programm ta’ taħriġ għall-baħħara u għal haddiema ohra li jaħdmu fis-settur marittimu inkluz l-industrija tal-jottijiet.

Il-Manager tal-Operat u l-Marketing tal-koperattiva, Joseph Meli, qal li biċ-ċentru l-ġdid il-korsijiet se jirduppjaw mill-25 li joffru llum. “L-għan tagħna huwa li l-popolazzjoni li taħdem fis-settur marittimu tkun fl-aħjar pożizzjoni tagħha biex tagħti l-aħjar performance fuq ix-xogħol tagħha hu x’inhu. Kemm jekk int kaptan, kemm jekk int able man fuq vapur, kemm jekk inti clark ġo uffiċċju.”

Żied jgħid li s-settur marittimu jimpjega mal-20,000 persuna u hu maħsub li se jilħaq 14% tal-Prodott Domestiku Gross. Is-Sur Meli qal li l-privat ħass li għandu jagħmel dan l-investiment għax jemmen u għaraf il-bżonn li l-ħaddiema jkunu mħarrġa filwaqt li jiġu mħarsa s-saħħa u s-sigurtà marittimi.

L-investiment tħabbar waqt konferenza li ddiskutiet is-sigurtà fil-portijiet biċ-Chief Pilot il-Kaptan Jesmond Mifsud jgħid li d-daqs tal-vapuri baqa’ dejjem jikber u għalhekk li l-piloti Maltin ħtieġilhom jibqgħu jitħarrġu.

“Dawn il-vapuri jkunu komessi li jiġu Malta bħal per eżempju vapuri tal-passiġġieri, b’aktar minn 10,000 ruħ abbord, allura aħna rridu nkunu ċerti li meta jidħlu ma jkunx hemm problemi kemm għas-saħħa u s-sigurta tal-portijiet tagħna. L-istess jiġri għall-containers li jkollhom bżonn ikollhom connection ma’ portijiet oħra allura imperattiv li dawn jidħlu fil-ħin li hu stipulat li jaslu Malta,” fisser il-Kaptan Mifsud.

Il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, qal li industrija b’saħħitha bħal dik marittima ma tikbirx mingħajr il-kontribut ta’ investituri u ta’ entitajiet dedikati, bħal piloti marittimi u impjegati tagħhom. Hu esprima sodisfazzjon li flimkien mal-investiment tal-Gvern f’diversi proġetti infrastrutturali, is-settur privat qed jieħu inizjattiva b’enfasi fuq it-taħriġ.

Aħbarijiet Oħra
Kurżitajiet

Il-maħżen tal-Knisja tal-Imġarr ilbieraħ laqa’ attività mhux tas-soltu. Seba’ rġiel poġġew ma’ mejda bil-għan li jiksru rekord nazzjonali biċ-‘chicken nuggets.’ Din l-isfida saret waqt il-maratona tas-soċjetà filarmonika Marija Mtellgħa s-Sema,…

Kultura

Fis-sentejn li għamlu Malta, il-Franċiżi ħallew timbru li għadu magħna sal-lum. Ħames xhur wara li Malta saret membru tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Frankofonija, komplew l-attivitajiet biex ifakkru l-Jum Internazzjonali tal-Frankofonija, f’pajjiżi li…

Aktar