Ambjent
Il-bajja tal-Balluta tgħaddi mit-test tal-ewwel maltempata

Wara li lbieraħ is-sħab u x-xita ħadu post ix-xemx tas-sajf diversi nies illum irħewlha għall-baħar fosthom lejn il-Bajja tal-Balluta.

Il-Bajja tal-Balluta għadha kemm ġiet irriġenerata minn ramel naturali, b’medda ta’ 20 metru. B’hekk issa n-nies għandhom medda aktar wiesa’ biex ikunu jistgħu jgawdu l-ġmiel li tofri din il-bajja.

Minkejja li l-ħidma fuq din il-bajja kien wieħed esperimentali sabiex wieħed jara kif se taddatta mal-elementi tan-natura, il-bajja għaddiet mill-eżami tal-ewwel maltempata. Dan hekk kif il-maltemp tal-bieraħ ma affettwa xejn lir-ramel li għadu kemm tqiegħed.

Il-bajja giet mgħammra b’dak kollu neċessarju fosthom doċċi biex l-għawwiema jitlaħalħu mir-ramel. Barra minn hekk isir tindif regolari fuq ix-xtajta fejn issa ser tkun mgħassa mill-gwardji li jagħtu l-għajnuna lill-għawwiema f’każ ta’ diffikultà.

Ilbieraħ, l-għada li l-bajja nfetħet għall-għawwiema, deher likwidu iswed ċarċar mat-taraġ. Għall-ewwel kien maħsub li dan kien att vandalu biex jgħarraq il-bajja wara li ġiet irriġenerata b’diversi faċilitajiet. Madankollu, aktar tard irriżulta li l-likwidu iswed ħareġ minn żewġ kanen li hemm fit-taraġ li jagħti għall-bajja u li possibilment kien ilma maħmuġ minn culvert tal-ilma tax-xita. Dan tnaddaf minnufih mill-ħaddiema tal-fondazzjoni għaż-żoni turistiċi.

Kelliem għall-Ministeru għat-Turiżmu qal ma’ TVM li bħalissa għaddejja ħidma kontinwa fil-bajjiet sabiex dawn jinżammu tajjeb.

Ara wkoll:

Il-bajja tal-Balluta b’ramel naturali u b’doċċi

AĠĠORNAT: Inaddfu l-likwidu iswed mill-bajja tal-Balluta