Solidarjetà
Il-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu għall-ewwel Sibt tax-xahar

Il-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu se jsir. L-appuntament hu għall-1 ta’ Awwissu fil-Palazz tal-Verdala, il-Buskett.

Il-President George Vella qal li din l-attività għandha tagħti nifs żgħir lill-Malta Community Chest Fund, bil-flus tal-biljetti jmorru fil-kaxxa tal-Fondazzjoni li fl-aħħar xhur ħadet daqqa minħabba l-imxija.

L-imxija qatgħet fil-laħam il-ħaj tal-Malta Community Chest Fund bil-flus bdew jinxfu għax waqfu l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi. Il-President George Vella qal li iktar nies f’Malta qed jimirdu bil-kanċer u l-mediċini l-ġodda biex jittrattawh jiswew il-belli liri.

“Is-sena li għaddiet daħlu €6 miljuni. Dawk iservuk biss għal 6 xhur jiġifieri nammetti hawn ukoll li spiss ikollna nduru fuq il-Gvern li jagħmel tajjeb għad-differenza li jkun hemm,” qal il-President Vella.

Waqt li vara edizzjoni oħra tal-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu, il-President Vella tenna l-ħtieġa li jerġġgħu jirrankaw attivitajiet bħal dawn biex jidħlu d-donazzjonijiet.

“Jien nitlob lill-Bambin u nawgura li ma naslux fi stat fejn ngħidu isma’ m’għandniex flus. Allaħares,” qal il-President Vella.

Il-Markiż Daniel De Petri Testaferrata qal li l-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu fil-Palazz Verdala se jsir is-Sibt l-1 ta’ Awwissu. Il-Markiż sostna li waqt il-ballu, se jiġu osservati d-direttivi kollha tal-awtoritajiet tas-saħħa fosthom id-distanza soċjali u l-ħasil tal-idejn.

Il-ballu beda jiġi organizzat fis-sittinijiet u jitqies bħala wieħed mill-aktar appuntamenti stabbiliti fil-kalendarju tas-sajf.

Il-biljetti jistgħu jinxtraw mill-Palazz il-Belt, il-Palazz ta’ San Anton jew minn fuq is-sit elettroniku www.augustmoonball.com