Lokali
Il-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu għat-tielet Sibt tax-xahar

L-August Moon Ball se jkun ballu mingħajr żfin u se jsir żewġ Sibtijiet aktar tard mis-soltu…iżda se jsir. B’hekk, jintlaħaq l-għan li jinġabru fondi għall-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund. Fi kliem il-President George Vella, it-talbiet u l-ammont għall-għajnuna komplew jiżdiedu speċjalment għall-mediċini relatati mal-kanċer. L-appuntament din is-sena hu għat-tielet Sibt ta’ Awwissu u kollox se jsir skont id-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.

Fil-21 ta’ Awwissu se jsir l-August Moon Ball b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation. Iċ-chairman tal-kumitat organizzattiv ta’ din l-attività, il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata qal li din is-sena se tinżamm it-tradizzjoni li jittella’ l-August Moon Ball iżda flok fl-ewwel Sibt ta’ Awwissu se jsir fit-tielet Sibt tax-xahar id-dieħel meta l-qamar se jkun l-aktar kwinta.

Is-Sur De Petri Testaferrata qal lil TVM li minħabba l-pandemija mhux faċli jittella’ dan il-ballu, iżda insista li se tinżamm it-tradizzjoni biex jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund Foundation.

“It triq tan-nofs hija din – ara li qed tagħmel kollox skont li jgħidulna l-awtoritajiet tas-saħħa eżempju meta jsiru t-tiġijiet isiru b’dawn il miħuri- u aħna se nagħmlu l-istess ħaġa.”

Fost il miżuri li se jkun hemm waqt il ballu, il-mistednin se jidħlu minn żewġ entraturi separati, l-ikel se jisserva minn żewġ caterers, u kull mistieden irid jippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin jew swab test. Il-mużika waqt il-ballu se tindaqq mill-baned tal-Armata u l-banda tal-Pulizija li se jkunu akkumpanjati ma’ diversi kantanti.

Il-President George Vella qal li dan l-avveniment sar parti integrali li jimmarka nofs is-sajf. Innota li anke jekk se jsir ballu bla żfin, l-ispirtu huwa wieħed – li l-mistednin bil-kontribuzzjoni tagħhom jgħinu lil min hu fil-bżonn. Il-President Vella sostna li kienet sena aktar difficli għal kulħadd anke għall-fatt li avvenimenti oħra li fihom is-soltu jinġabru aktar flus ma seħħewx.

“It-talbiet qegħdin jiżdiedu – l-ammonti qegħdin jiżdiedu, specjalment għal medicini li għandhom x’jaqsmu mal-cancer għar-raguni li n-nies qegħdin jgħixu aktar bihom allura jkomplu jeħduhom – hemm min ilu tliet snin u nofs jieħu l-pinnoli kontinwament. Qegħdin f’sitwazzjoni fejn dan l-aħħar kważi sentejn kellna nħassru kollox, semmejt inti Rockestra, semmejt il-Fun Run – dawn huma affarijiet li ma jistgħux isiru – apparti l-fatt li hemm ħafna wkoll charities oħra jiena bl-ebda mod m’jien inneħħilhom il-mertu anzi…li wkoll għandhom id-dritt li jagħmlu l-ġbir tagħhom u meta dawn jieħdu mill-istess pool is-sitwazzjoni issir aktar diffiċli.”

Iktar dettall dwar l-August Moon Ball jista’ jinkiseb mis-sit elettroniku augustmoonball.com/