Lokali
AĠĠORNAT: Il-banda De Paule f’Raħal Ġdid tispiċċa bla każin

Is-Soċjetà Filarmonika Fra Antoine De Paule ta’ Raħal Ġdid se tispiċċa mingħajr każin wara li l-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza f’kawża li bdew is-sidien tal-post kontra l-istess soċjetà.

Is-Soċjetà għadha indeċiża dwar it-triq ‘l quddiem, bl-għażliet mistennija jkunu rilokazzjoni għall-post ieħor jew is-sospensjoni tas-soċjetà li twaqqfet mija u għoxrin sena ilu.

Fi żmien 160 ġurnata oħra is-Soċjetà Filarmonika Fra Antoine de Paule se tispiċċa mingħajr il-każin fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid wara li l-Qorti tal-Appell ordnat lis-Soċjetà biex sa mhux aktar tard minn Settembru li ġej tiżgombra mill-post.

Id-deċiżjoni tal-Qorti ħalliet lis-soċi u l-bandisti Pawlisti diżappuntati u ssummati.

“Jidher li se nispiċċaw bi pjazza ġdida imma mingħajr każin tal-banda li hu sinonimu ma’ din il-pjazza,” qal Gordon Dalli, kelliem għas-Soċjeta Filarmonika Fra Antoine De Paule.

Is-soċjetà tilfet il-kawża minħabba xogħlijiet strutturali li saru fil-każin f’nofs is-snin disgħin. Il-Qorti qalet li dawn saru mingħajr il-kunsens tas-sidien li fl-1997 fetħu kawża għax argumentaw li fil-kuntratt tal-kera li sar fl-1984 sar bil-kundizzjoni fost oħrajn li l-inkwilini ma jistgħux jagħmlu l-alterazzjonijiet strutturali ħlief tiswijiet speċifiċi msemmija fil-kuntratt.

Fis-sentenza, l-Imħallef Anthony Ellul qal li kieku għaddew bosta snin wara li tlestew ix-xogħlijiet, il-Qorti setgħet tasal għal konklużjoni differenti. Madankollu, is-sidien ħadu azzjoni legali f’waqtha.

Television Malta jinsab infurmat li s-sidien qed jitolbu madwar erba’ miljun ewro għall-bejgħ tal-proprjetà, iżda kelliem għas-Soċjetà qal li huma ma jifilħux ghal din l-ispiza.

Il-kelliem Gordon Dalli qal li l-għażliet huma limitati. “L-options huma jew relocations f’sede oħra jew iva ma teskludix li jkun hemm xi deċiżjoni oħra li tissospendi l-ħidma tas-soċjetà.”

Is-Sur Dalli qal li d-deċiżjonijiet dwar it-triq ‘l quddiem se jittieħdu mill-membri tas-Soċjetà f’laqgħa ġenerali li mistennija ssir il-Ħadd li ġej.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Mandy Vella li għandha 24 sena biss qed tgħix bi tbatija kbira minħabba li tbati b’Cystic Fibrosis. Hija tgħid li din qed taffettwalha l-pulmun u l-firxa, tbati bil-qtugħ ta’ nifs…

Avjazzjoni

Fl-istorja Maltija tal-avvjazzjoni, l-1969 ma kinitx l-isbaħ paġna. F’temp ta’ tliet xhur, nofs seklu ilu, seħħew żewġ disgrazzji tal-ajru b’ajruplani militari. L-istorja tagħhom hija fost kważi elf inċident tal-ajruplan li…

Lokali

Il-Fondazzjoni Blue Light, imwaqqfa mis-Surġent Simon Schembri mistennija tiftaħ l-ewwel dar tagħha biex tilqa’ fiha uffiċjali tal-forzi dixxiplinati li jweġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Il-Ħadd filgħodu f’Ħal Safi saret attività…

Għawdex

Dalgħodu f’Dar Arka, Għajnsielem, saret quddiesa mmexxija mill-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech bħala talba ta’ radd il-ħajr lil Alla fi tmiem il-mandat tal-President Marie-Louise Coleiro Preca. Fi kliem il-President, l-Ewkaristija…

Aktar