Kultura
Il-Banda Queen Victoria tieħu sehem fil-festa ta’ San Grato f’Aosta l-Italja

Kull belt u raħal f’Malta għandha minn waħda sa tnejn. Il-baned għadhom parti integrali mis-soċjetà Maltija u llum il-ġurnata komplew jifirxu l-ħidma tagħhom barra minn Malta b’kunċerti li bihom iżidu l-għarfien u l-esperjenzi mużikali tagħhom. Iktar kmieni dan ix-xahar l-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria taż-Żurrieq ħadet sehem fil-festa ta’ San Grato f’Aosta l-Italja.

Twaqqfet fl-1865 u ma ħarsitx lura fl-impenn tagħha biex trawwem żgħażagħ bandisti. L-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria taż-Żurrieq faċli tissejjaħ mutur li taħdem qrib tfal u żgħażagħ biex illum il-ġurnata għandha banda b’iktar minn disgħin bandist tal-post u 52 alliev. Mhux ħaġa faċli fid-dinja tal-baned Maltin. Iżda fi kliem is-surmast Alfred Farrugia, li ilu jmexxi l-banda għal dawn l-aħħar 27 sena, l-imħabba lejn il-mużika fiż-żgħażagħ Żrieraq għadha tbaqbaq. U l-pass li jmiss dan is-sajf kienet l-isfida biex il-banda titla’ Aosta fl-Italja għal żewġ kunċerti.

Il-President tal-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria, in-Nutar Joseph Darmanin qal “dawn iż-żjarat huma importanti ħafna għas-Soċjeta u għall-Banda partikolarment għax ituna dimensjoni internazzjonali. Waħda mill-affarijiet li għamilna f’din iż-żjara li kellna, kien workshop mal-banda u l-iskola ta’ Aosta fejn biddilna l-esperjenzi tagħna u tgħallimna mingħand xulxin.”

B’kollox f’din il-mawra f’Aosta telgħu 42 bandist li kienu mpenjati f’żewġ kunċerti – wieħed fil-Katidral San Grato u ieħor fit-Teatro Splendor. Il-programmi fiż-żewġ kunċerti kienu mżewqa b’siltiet mużikali tal-aqwa kompożituri barranin u anke mużika ta’ kompożituri Maltin. Ħadu sehem ukoll fil-purċissjoni bil-vara ta’ San Grato.

Is-Surmast Maestro Alfred Farrugia qal “kellna kontinġent ta’ 42 mużiċist, kelli ċertu livell tajjeb ħafna li stajt nagħżel mużika attraenti għal kulħadd u barra minn hekk tajt l-opportunità wkoll lis-solisti tagħna li jesegwixxu u juru t-talenti tagħhom speċifiċi wkoll.”

Il-kuntatti biex il-banda Queen Victoria tieħu sehem fil-festa ta’ San Grato f’Aosta bdew meta nies minn din il-belt żaru ż-Żurrieq għall-festa tal-Karmnu u stiednu lill-Għaqda Kermelitana Banda Queen Victoria biex tieħu sehem fil-festa tal-patruna tagħhom. L-impenn f’Aosta ħalla esperjenza pożittiva għall-Għaqda u anke għall-bandisti tagħha li jħarsu lejn dawn iż-żjarat bħala mezz kif iżidu iżjed l-għarfien mużkali tagħhom.

Aħbarijiet Oħra
Festi

Tliet politiċi kienu fost tnejn u għoxrin personalità li ġew onorati bid-dekorazzjonijiet tal-istat. Magħhom ġew onorati wkoll diversi personalitajiet għas-servizzi li taw fil-karrieri distinti tagħhom. Fosthom jispikkaw il-kuntistabbli Simon Schembri,…

Stejjer Umani

Omm Maltija tista’ tgħix ħajja normali wara li rċeviet trapjant minn organu ta’ baqra. Shirley Fenech, omm Maltija, għexet ħajja normali sal-2016 meta ħabta u sabta ħassha ħażin, intilfet minn…

Lokali

Il-Prim Minsitru tar-Renju Unit, Theresa May, qalet li hi mhix se tmexxi l-Partit Konservattiv għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, erba’ snin oħra. May għamlet din id-dikjarazzjoni fi Brussel qabel daħlet għal-laqgħa…

Lokali

Qed jinbidlu bħalissa l-bozoz kollha li jdawlu t-toroq ewlenin f’Malta fi proġett li mistenni jnaqqas il-konsum tal-elettriku b’madwar 70%. Il-bozoz il-ġodda, aktar minn tliet elef, huma tal-għamla LED u joffru…

Aktar