Lokali
Il-bandli tal-Imdina jieħu xejra ġdida b’investiment ta’ €1.2 miljun

Wieħed mill-ispazji pubbliċi l-aktar imfittxija mill-familji barra l-Imdina hu l-bandli li se jinqala’ mill-qiegħ u jinbidel ma’ faċilitajiet ġodda ta’ rikreazzjoni għat-tfal. Ix-xogħol fuq il-bandli l-ġdid se jsir mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, b’investiment mill-Gvern ta’ miljun u mitejn elf Ewro. Il-Ministru Borg ta dawn id-dettalji f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha tkellem dwar il-budget allokat għad-dekasteru tiegħu.

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg, qal li l-ispazji komunitarji jibqgħu ta’ prijorità għall-Gvern li hu impenjat jara li spazji bħall-bandli fil-lokalitajiet ikunu miżmuma tajjeb ħafna. F’dan l-isfond, Dr Borg tkellem dwar investiment ta’ miljun u mitejn elf Ewro biex isir bandli ġdid barra l-Imdina, bix-xogħol se jinkludi wkoll l-istallazzjoni ta’ faċilitajiet ġodda ta’ rikreazzjoni, sistema ġdida ta’ dawl, art tal-lasktu, kannizzati u bankijiet solari fost oħrajn.

Il-Ministru Ian Borg qal li l-baġit għas-sena d-dieħla jinvesti f’aktar tkabbir u jinċentiva is-sostenibbiltà u l-infrastruttura ħadranija fosthom bit-twettieq tal-miżura ta’ trasport pubbliku bla ħlas għal kulħadd li għaliha l-Gvern alloka €4,600,000. Semma wkoll li se tiżdied bi €3,000 għal €12,000 l-għajnuna finanzjarja biex tinċentiva x-xiri ta’ vetturi ġodda li jaħdmu bl-elettriku jew plug-in hybrids. Fost diversi skemi ġodda f’dan il-qasam semma inċentivi għal operaturi ta’ coaches u trakkijiet biex jistallaw pannelli fotovoltajċi, magni li jaħdmu bl-elettriku flok id-diesel, u tagħmir li jnaqqas l-emissjoni tad-duħħan.

B’referenza għall-infrastruttura, il-Ministru Borg qal li fost il-proġetti ewlenin li se taħdem fuqhom Infrastructure Malta hemm is-sistema ġdida ta’ toroq fuq barra tal-ajruport, ix-xogħol fuq il-Bypass tal-Imrieħel u t-titjib tal-infrastruttura marittima b’interventi fuq il-mollijiet u l-bini mill-ġdid tal-breakwater ta’ Bugibba.