Unjoni Ewropea
Il-Bank Ewropew għall-Investiment imħeġġeġ iħaffef investimenti marbuta mal-enerġija

Is-27 mexxejja tal-Unjoni Ewropea, fosthom il-Prim Ministru Robert Abela, dalgħodu reġgħu ltaqgħu f’Europa Building biex tissokkta l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li bdiet ilbieraħ wara nofsinhar.

Fuq l-aġenda tal-lum; l-immigrazzjoni u t-trasformazzjoni diġitali.

Iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u s-sitwazzjoni tal-Covid-19 huma fost it-temi li kienu diskussi lbieraħ waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, li għaliha attendew il-mexxejja tas-27 stat membru, fosthom il-Prim Ministru Robert Abela.

F’kummenti li ta lill-midja qabel il-laqgħa, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel qal li dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, huwa importanti għall-mexxejja li jaraw x’miżuri jistgħu jieħdu fuq livell nazzjonali kif ukoll Ewropew.

Fil-konklużjonijiet tal-laqgħa, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tistudja s-suq tal-gass u d-dawl, u tiddeċiedi jekk hemmx bżonn iktar azzjonijiet regolatorji. L-istati membri ġew imħeġġa jagħmlu l-aħjar użu mill-miżuri pprovduti fit-toolbox tal-Kummissjoni bil-għan li jwieżnu persuni vulnerabbli u negozji.

Fl-istess waqt, intqal li jridu jinstabu soluzzjonijiet fit-tul biex l-enerġija tkun affordabbli, filwaqt li l-Bank Ewropew għall-Investiment ġie mħeġġeġ iħaffef iktar l-investimenti marbuta mat-tranżizzjoni tal-enerġija.

Dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19, il-Kunsill innota l-progress li sar bit-tilqim, iżda qal li ċertu pajjiżi għandhom bżonn iżidu l-isforzi biex jikkumbattu x-xettiċiżmu u l-miżinformazzjoni dwar it-tilqima. Intalbet ukoll iktar koordinazzjoni biex ikun iffaċilitat il-moviment ħieles fl-Unjoni Ewropea.

Saret sejħa wkoll biex l-istati membri jkunu involuti fil-governanza tal-HERA bil-għan li l-Unjoni Ewropea tkun iktar ippreparata għal emerġenzi ta’ saħħa pubblika. Fl-istess waqt ħeġġet biex jitneħħew l-ostakli ħalli jitkompla t-tqassim tat-tilqim fuq livell globali.

Matul ċena iktar tard, il-mexxejja ddiskutew ukoll il-preparazzjonijiet għas-summits li jmiss.

Il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew se tkompli llum, fejn se jkunu diskussi l-migrazzjoni u t-tranżizzjoni diġitali tal-Ewropa; żewġ temi li t-tnejn huma ta’ prijorità għal Malta.

Iktar kmieni:

AĠĠORNAT (2): Il-PM Robert Abela fi Brussell għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew