Ekonomija u Finanzi
Il-Bank HSBC iħabbar li se jnaqqas 35,000 impjieg fit-tliet snin li ġejjin

Il-Bank HSBC ħabbar li se jnaqqas 35,000 impjieg fit-tliet snin li ġejjin. Il-bank qal li qed jimmira li globalment inaqqas l-ispejjeż b’aktar minn erba’ biljun ewro sal-2022 filwaqt li jnaqqas €84 biljun f’assi.

Dan se jseħħ wara li l-profitti għall-2019 niżlu bi 33% l-aktar minħabba l-investiment tal-HSBC u l-operazzjonijiet kummerċjali tal-bank fl-Ewropa. Il-Kap Eżekuttiv interim Noel Quinn ħabbar dan it-tnaqqis.

Il-bank HSBC li jagħmel il-maġġoranza tal-qligħ mill-Asja, irrapporta profit annwali qabel it-taxxa ta’ ftit aktar minn €12-il biljun. Bħalissa l-bank jopera f’aktar minn 50 pajjiż fl-Amerika ta’ Fuq, fl-Ewropa, fil-Lvant Nofsani u fl-Asja u jimpjega aktar minn 235,000 persuna madwar id-dinja.

It-tnaqqis fil-profitti tal-HSBC kienu kaġun ta’ kważi €9 biljun fi tnaqqis ta’ valur ta’ assi relatati mal-operat bankarju globali, swieq u operazzjonijiet kumerrcjali tal-bank fl-Ewropa. Dan kollu qed iseħħ hekk kif it-tkabbir ekonomiku fis-swieq ewlenin tal-HSBC qed inaqqas.

L-HSBC qed jiffaċċja wkoll l-impatt tal-coronavirus, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u r-rati ta’ interessi baxxi madwar id-dinja.