Lokali
Il-Bank Malti ta’ Żvilupp bl-iskema ta’ garanziji li sa issa għinet 251 negozju

L-iskema ta’ kważi €800 miljun f’garanziji għas-self li qed iħaddem il-Bank Malti ta’ Żvilupp sa issa għinet 251 negozju – minn lukandi sa ħwienet – li bejniethom iħaddmu madwar 15,000 ħaddiem. Iċ-Chairperson tal-bank, il-Professur Josef Bonnici qal li dawn in-negozji ħadu b’aktar minn mitejn miljun ewro f’garanziji biex ikomplu għaddejjin minkejja d-daqqa li ħadu riżultat tal-pandemija.

Il-pandemija tal-COVID ħalliet u għadha qed tħalli ħafna negozji Maltin għarkupptejhom minħabba nuqqas sinifikanti fid-dħul tagħhom, b’ħafna minnhom ikollhom jirrikorru għal self mill-banek biex iħallsu l-pagi, kirijiet, kontijiet u pagamenti oħra.

Fl-eqqel tal-imxija, il-Gvern alloka fond ta’ garanzija ta’ €350 miljun lill-bank Malti ta’ Żvilupp biex dan jiżviluppa, jamministra u jimplimenta skema ta’ garanziji bl-għajnuna ta’ banek kummerċjali lokali.

Iċ-Chairperson tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank Malti ta’ Żvilupp, il-Professur Josef Bonnici qal li l-iskema ta’ garanziji li nħarġet mill-Gvern f’April u mħaddma mill-Bank Malti ta’ Żvilupp bl-għajnuna ta’ disa’ banek, diġà għinet aktar minn 250 negozju jqumu fuq saqajhom b’likwidità ta’ ftit aktar minn €200 miljun. “Aħna għandna b’kollox qisu madwar €800 jiġifieri għad baqa’ €600 miljun ieħor li huma disponibbli għall-kummeċ f’Malta, x’jiġri wara Diċembru wieħed irid janalizza s-sitwazzjoni dak iż-żmien, nisperaw li l-affarijiet jitjiebu kif qed jijiebu bħalissa filfatt u r-rota tibda terġa’ ddur b’mod normali”.

Il-Professur Bonnici spjega li l-Bank Malti ta’ Żvilupp qed jipprovdi l-appoġġ meħtieġ biex disa’ banek kummerċjali jew intermedjarji finanzjarji jkunu jistgħu jipprovdu self fuq ‘l hekk imsejjaħ working capital lis-sidien ta’ negozji, jitolbuhom inqas garanziji, joffrulhom rati tal-imgħax sussidjati ħafna u jipprovdu moratorju fuq il-ħlas lura ta’ kapital u imgħax.

Is-setturi li qed jiġu mwieżna b’din l-iskema jvarjaw minn lukandi, ristoranti u ħwienet fost l-oħrajn. “Hemm ukoll setturi oħra anke tat-telekomunikazzjoni għax nuqqas ta’ turisti affettwa, xi ftit il-kostruzzjoni u setturi varji bħal insuranza li naturalment meta jonqos xogħol fl-ekonomija dawn kollha jonqosilhom id-dħul tagħhom u jkollhom bżonn din it-tip ta’ għajnuna”.

Il-Professur Bonnici spjega li minbarra din l-iskema, il-Bank Malti ta’ Żvilupp qed jagħmilha aktar faċli biex il-banek ikunu jistgħu jipprovdu self ġdid li qal se jkun kruċjali biex l-ekonomija tirriġenera lilha nfisha u twassal għal tkabbir ġdid fix-xhur li ġejjin.