Kumpaniji
Il-Bank of Valletta bi qligħ qabel it-taxxa ta’ €146.2 miljun

Il-Grupp Bank of Valletta ħabbar li għamel qligħ qabel it-taxxa ta’ €146.2 miljun għas-sena finanzjarja li għalqet fl-aħħar ta’ Diċembru 2018, żieda ta’ kważi 6 fil-mija meta mqabbel mas-sena finanzjarja preċedenti.

Minn dan il-qligħ, il-bank warrab €75 miljun għal każijiet ta’ litigazzjoni li għandu, biex b’hekk irrapporta qligħ ta’ €71.2 miljun ewro.

It-tmexxija tal-BOV qalet li dawn ir-riżultati nkisbu minħabba diversi fatturi fosthom żieda ta’ tlieta fil-mija fis-self lill-konsumaturi għal total ta’ €4.6 biljun ewro, speċjalment self għad-djar u żieda fis-self għall-kumpaniji u n-negożji ż-żgħar u medji. Il-bank qal li rreġistra tkabbir sodisfaċenti wkoll fid-dħul minn diversi linji ta’ negozju oħrajn ta’ negozju fosthom credit cards u pagamenti.

Ir-riżultati finanzjarji tal-BOV għall-2018 juru li d-depożiti tal-klijenti wkoll żdiedu bi 3 fil-mija għal total ta’ €10.4 biljun ewro. L-assi totali tal-grupp BOV jammonta €12.1 biljun.

Iċ-Chairman tal-BOV, Deo Scerri qal li dawn ir-riżultati pożittivi nkisbu f’perjodu mimli sfidi għall-grupp fosthom operaturi ġodda li daħlu fis-suq u żieda fir-regolamentazzjoni bħal GDPR u MiFID li fissru taħriġ lill-ħaddiema u investiment fit-teknoloġija tal-informatika.

Iċ-Chairman tal-BOV tkellem ukoll dwar l-attakk sofistikat fuq is-sistemi tal-bank fit-13 ta’ Frar li għadda li fih hackers għamlu 11-il tranżazzjoni ta’ €12.9 miljun. Spjega li minn dan l-ammont, il-bank irċieva jew jinsab fil-proċess li jirċievi €5.6m waqt li hemm €4.4m oħra ffriżati li l-bank fiduċjuż li se jirċievi. Is-Sur Scerri qal li mill-banda l-oħra l-bank mhux daqstant fiduċjuż li jirkupra €2.9m l-oħra li jekk jibqgħu ma jaslux, jitnaqqsu mill-qligħ tal-bank għas-sena finanzjarja 2019. M’eskludix li l-bank jibda proċeduri ġudizzjarji biex jirkupra l-flus. Iċ-Chairman ħabbar li minbarra miżuri biex il-bank isaħħaħ l-eko-sistema diġitali tiegħu kontra l-kriminali finanzjarji, se jitwaqqaf kumitat ta’ sorveljanza tal-IT mmexxi minn Direttur mhux eżekuttiv u b’membri indipendenti. Dan il-kumitat li se jħares ukoll lejn l-oqsma tar-regtch u l-fintech se jkun qed jassisti lill-Bord tad-Diretturi.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Kmieni dalgħodu seħħet ħabta frontali bejn mutur u trakk f’Ħal Qormi li ħalliet sewwieq ta’ mutur midrub. L-inċident seħħ fi Triq il-Ħammieri fis-7.30am li fih kienu nvoluti sewwieq ta’ mutur…

Elezzjoni

Ir-Renju Unit u l-Olanda huma l-ewwel pajjiżi li bdew jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Se jkunu kważi 427 miljun ċittadin tat-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea (UE) li se jivvutaw bejn illum u…

Elezzjoni

F’attività oħra fil-Fgura l-Erbgħa tard filgħaxija, il-Mexxej Laburista rrefera għad-dibattitu bejnu u bejn il-Kap tal-Oppożizzjoni u qal li matulu Adrian Delia kkonferma kemm il-Partit Nazzjonalista tilef lilu nnifsu. Fost affarijiet…

Aktar