Lokali
Il-bank tad-demm jgħid li mhux bilfors trid tkun imlaqqam biex tagħti d-demm

Min imur jagħti d-demm m’hemmx għalfejn jippreżenta ċertifikat tat-tilqima kontra l-Covid-19, u mhux bilfors trid tkun imlaqqam.

Minkejja dan, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm saħaq ma’ dan is-sit li dejjem hu rakkomandat li wieħed isegwi l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa u jieħu t-tilqima tal-Covid-19 kull meta jiġi msejjaħ.

Sadanittant, is-Servizz ħeġġeġ lil dawk f’saħħithom biex jersqu u jagħtu d-demm:

  • Fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamangia li jiftaħ kuljum inkluż il-Ħadd u l-festi pubbliċi mit-8am sas-6pm.
  • Fil-Mobile Blood Donation Unit li għada se jkun fil-parkeġġ ta’ villaġġ kummerċjali fil-Mosta mit-8.30am sas-1pm.
  • Fil-Berġa tax-Xewkija li għada wkoll se tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8am sas-1pm.

Il-bank tad-demm żied jgħid li min għamel swab test irid jistenna sakemm joħroġlu riżultat negattiv. Qalet ukoll, li min jieħu t-tilqima tal-Covid-19 irid iħalli 48 siegħa qabel jersaq biex jagħti d-demm, filwaqt li min ikollu deni jew sintomi t’influwenza jrid iħalli sebat ijiem.