Lokali
Il-barbier Żejtuni li se “jagħlaq il-ħanut meta jmut”

Beda jaqta’ x-xagħar ta’ 13-il sena u llum li għandu 68 sena m’għandux ħsieb li jieqaf. Il-barbier Żejtuni Louis Cassar jispjega lil TVM għal xiex mal-bieb ta’ barra weħħel tabella li “jagħlaq il-ħanut meta jmut”.

Louis Cassar għomru u żmienu bl-imqass f’idu. Il-ħanut tiegħu ftit passi ‘l bogħod mill-Knisja taż-Żejtun mhux biss il-post fejn minn jaf kemm-il Żejtuni qata’ xagħru jew qaxxar il-leħja bil-mus. Louis jgħid li sa minn żmien missieru dan kien il-post fejn wieħed imur jgħid kelma u jgħaddi ż-żmien.

Louis Cassar qal “jien niftakar meta kont għadni tifel żgħir ommi kienet iġiblu te lil missieri u kont niġi magħha u kien ikun hawn nies hawnhekk biex joqogħdu jitkellmu. Niftakar li anke missieri meta kien ikollu ċans kien ikollu l-gazzetta u joqgħod jaqralhom lin-nies, għax dak iż-żmien tinsiex kien hawn ħafna nies ma kinux jafu jaqraw ukoll.”

Louis wiret is-sengħa ta’ barbier mingħand missieru, li miet meta kien għadu żgħir. Bejn qata’ xagħar u oħra, sakemm ħa belgħa te, irrakkonta kif beda. . . ħamsa u ħamsin sena ilu. Huwa qal li tgħallem ma’ ċertu Ġużeppi Bonnici u mhux ma’ missieru.

Louis Cassar qal “kont ilni sena nittrenja miegħu u missieri miet u bqajt imur jien darba minnhom qalli Louis irid ngħidlek xi ħaġa li qatt ma għedtlek. Qalli ibni inti kapaċi taħdem xħin trid mur iftaħ il-ħanut. Għedtlu tlaqt.”

Il-ħanut ta’ Louis bħal donnu weħel fiż-żmien b’bankijiet tal-injam u żewġ pultruni goffi fin-nofs. . . għalkemm ħafna mill-għodda li kien juża dari sabet postha fl-armarju.

Louis Cassar qal “dak iż-żmien kont inqaxxar il-leħja bil-mus imma wara ż-żmien qtajthom għedt issa xagħar biss.”

Louis innota li dan l-aħħar il-barbiera reġgħu saru moda. “Issa l-istorja reġgħet ġejja għal dak li għaddejna minnu għalhekk dak li jgħaddi jerġa’ jiġi.”

U għalkemm qabeż l-età tal-irtirar, Louis mhux beħsiebu jżarma tant li fuq il-bieb ta’ barra għamel nota li jagħlaq il-ħanut meta jmut!

Louis Cassar qal “dik għamiltha għax kultant ikun hawn nies li b’naqra ħmira jagħmlu furnata u jiena xagħri ma bjadietx għalxejn. Għalhekk!”

Louis qalilna li minn tar-razza m’hemm ħadd li jrid ikompli s-sengħa ta’ barbier bħalu u missieru. “Dment li l-Bambin itini s-saħħa jien nibqa’ għaddej għax fl-istess ħin hawnhekk jien ġie l-hobby tiegħi jekk ma niġix ma nkunx f’posti.”

Aħbarijiet Oħra
Brexit

Id-Direttur tad-Dipartiment tad-Dwana, Joseph Chetcuti, spjega li għalkemm Brexit ser iseħħ disat ijiem oħra, n-negozju bejn Malta u r-Renju Unit mhux ser ikun affettwat mill-ewwel. “Li ser jiġri fl-1 ta’…

Kultura

Aktar tard din is-sena partijiet minn Malta mistennija jerġgħu jintużaw għall-film blockbuster. Il-film ġdid ‘Jurassic World 3′ mistenni jinħareġ fis-swali taċ-ċinema f’Ġunju tas-sena d-dieħla. L-aħħar film minn din is-serje kellu…

NGOs

Fil-Palazz Presidenzjali ta’ San Anton ġew premjati l-għaqdiet li matul is-sena l-oħra ħarġu b’ideat u proġetti kreattiv ma’ persuni vulnerabbli. Il-Premju tal-President ghall-Kreattività, li jsir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti, din…

Politika

Il-Ministru Owen Bonnici qal li bħala Ministru tal-Edukazzjoni se jaħdem, fost affarijiet oħra, biex jiġu indirizzati nuqqasijiet fis-sistema biex ħadd ma jaqa’ lura, u biex iżjed nies ikomplu jistudjaw, anke…

Aktar