Lokali
Il-barranin ifittxu l-patata Maltija għax hi ta’ kwalità tajba

Kemm jekk moqlija, mgħollija jew il-forn . . . weħidha jew ma’ ikel ieħor . . . il-patata hi mfittxija minn ħafna u ssibha f’bosta platti. Hija frott tal-art u xogħol il-bniedem . . . wieħed mill-prodotti ewlenin li jkabbru l-bdiewa Maltin u wieħed mill-ftit li jesportaw.

Ma’ sbieħ il-jum, fl-għalqa mlaqqma tal-Muddejn fuq wara tal-knisja tal-Qrendi għaddej ġmielu l-qlugħ tal-patata bil-magna. Waħda waħda tgħaddi minn idejn il-bdiewa, li bħal għarbiel iwarrbu l-ftit ħżiena li jilmħu u jimlewha f’kaxxi. Michael Farrugia, wieħed mill-ftit Qrendin li jaħdmu full-time fir-raba’ spjega li dan hu l-frott ta’ proċess li beda xhur ilu meta żera’ 14-il tunellata ta’ patata tal-varjetà Alpha f’ħamsin tomna raba’.

Michael Farrugia qal li “bdejna niżirgħu mill-aħħar ġimgħa ta’ Novembru u spiċċajna fit-tieni gimgħa ta’ Jannar biex tkun imtarrġa. Ma tilħaqlekx kollha f’daqqa. U għandek ohra, ir-raba’ avolja kollu fil-Qrendi. Il-post ivarja. Fejn hu kenni tiżirgħu kmieni u fejn hu naqa’ mirjieħ tħallih għal Jannar għax tibża mir-riħ il-patata.”

Apparti r-riħ, jispjega li għedewwa oħra tal-patata huma x-xita, meta tagħmel ħafna f’daqqa għax l-art tibbies jew meta tkun skarksa; u l-ġlata, meta jkun temp ċar b’riħ mit-tramuntana u t-temperatura tinżel f’daqqa.

“Issibha kollha maħruqa l-patata għax tant taqa’ t-temperatura li n-nida tiffriża fuqha u l-vini tagħha jispiċċaw u allura tiġi u ma ssib xejn” qal Farrugia.

Qal li din is-sena ma kienx hawn problemi ta’ din ix-xorta u anke l-mard ma kabarhiex lill-patata bir-riżultat li ftit bexxew. Spjega li t-tip ta’ ħamrija tagħmel differenza għall-prodott.

“Ħamrija bħal hawn hi ħamrija ħamri. Din jgħidu li din l-aħjar ħamrija għax il-kuluri jinqalgħu iżjed. Ġol-bajjad għandna wkoll imma kieku jkun ħamri aħjar għax il-klulur jinqala’ aħjar” stqarr Farrugia.

Mill-kaxxi fl-għelieqi, il-patata titgħabba fuq il-vannijiet biex terġa’ tiġi magħżula u titlaq kollha għall-Olanda. Jikkalkula li din is-sena se jesporta mal-200 tunellata patata.

Meta tikkunsidra ċ-ċokon tal-art u li dan mhuwiex prodott ta’ Malta biss, staqsejt lil Michael għaliex il-barranin ifittxu l-patata ta’ Malta.

“L-ewwel nett aħna nkunu minn tal-ewwel nies li naqilgħu fl-Ewropa. Allura huma jkunu mixtiqin mill-patata ġdida. Patata hemmhekk għandhom bir-radam, imma tkun antika, kerha. U aħna għandna kwalita’ tajba. Peress li naqilgħu bl-idejn, avolja bil-magna imma magna żgħira, mhux bħal tagħhom kollox awtomatiku. Allura l-kwalita’ tkun hemm. Huma kwantità jkollhom imma kwalita’ ma jkollhomx bħal tagħna żgur” qal Farrugia.

Ħidmet bdiewa bħal Michael se tiġi ċċelebrata l-Ħadd li ġej fil-Qrendi waqt il-festival agrarju tal-patata b’ġurnata sħiħa ta’ attivitajiet quddiem il-kappella tal-Maqluba.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Bejn Malta u Għawdex m’hemmx biss baħar jaqsam. Studju ta’ studenta Għawdxija kkonkluda li leżbjani Għawdxin qed ikollhom jiġu jgħixu Malta minħabba l-pressjoni li jħossu mill-familji u l-komunitajiet Għawdxin. Għal…

Stejjer Umani

Iż-żfin għal ħafna huwa mezz ta’ soċjalizzazzjoni u divertiment imma għal Joe Saliba, li għandu 72 sena, iż-żfin huwa aktar minn żvog. Joe huwa fost bosta persuni li ħadu l-parir…

Stejjer Umani

Problema soċjali kumplessa wasslu biex omm żagħżugħa b’żewġt itfal u kelb tispiċċa torqod f’karozza u tgħajjex lill-uliedha b’€500 fix-xahar. L-omm stqarret li ma setgħetx tmur f’shelter offrut mill-appoġġ minħabba fost…

Aktar