Reliġjon
Il-Bastun ta’ San Ġużepp – devozzjoni popolari miżmuma b’għożża fir-Rabat

Ħafna drabi San Ġużepp jintwera b’bastun f’idejh. Il-bastun oriġinali ta’ statwa antika ta’ dan il-qaddis meqjuma fir-Rabat jittieħed fi djar ta’ morda u fi sptarijiet. Fil-preżenza tiegħu jsir talb għall-fejqan bl-interċessjoni ta’ San Ġużepp, il-missier putattiv ta’ Ġesù, li l-Knisja tiċċelebra l-festa tiegħu nhar it-Tlieta.

Dan il-bastun tal-injam, sempliċi ħafna fid-dehra u bi fjuri fil-parti ta’ fuq, oriġinarjament kien parti mill-istatwa magħrufa bħala San Ġużepp ix-Xiħ li jinsab fis-Santwarju Nazzjonali dedikat lil San Ġużepp fir-Rabat.

Mal-medda taż-żmien nibtet devozzjoni lejn din l-istatwa, b’mod partikolari lejn il-bastun. Jingħad li l-istatwa nġiebet Malta mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann fl-1530.

Ir-Rettur tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tar-Rabat, Anthony Casha, qal li dan il-bastun għadu sal-lum jintalab biex jittieħed fid-djar ta’ persuni morda jew fl-isptarijiet biex fil-preżenza tiegħu jsir talb għall-fejqan bl-interċessjoni ta’ San Ġużepp. Qal li mhux l-ewwel darba li ġie mitlub ukoll minn persuni li jkunu għaddejjin minn problemi fil-familja.

Is-Sur Casha qal li mill-arkivji tal-Arċikonfraternità jidher li d-devozzjoni lejn il-bastun tmur lura sas-seklu tmintax u kibret maż-żmien.

Rettur tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tar-Rabat, Anthony Casha qal “f’dan l-aħħar żmien ukoll nafu kif dan il-bastun ġie mitlub biex jittieħed f’diversi parroċċi fosthom fil-parroċċa taż-Żejtun, fil-parroċċa ta’ Ħal Għaxaq u fil-parrroċċa ta’ San Ġużepp l-Imsida. Proprju s-sena li għaddiet, f’Diċembru li għadda, fejn ukoll saru attivitajiet reliġjużi fejn dan il-bastun ukoll ġie meħud fid-djar tal-anzjani, li jinsabu f’dawn il-lokalitajiet ukoll.”

Is-Sur Casha qal li hemm rapporti ta’ fejqan u grazzji li seħħew wara talb li sar quddiem il-bastun bl-interċessjoni ta’ San Ġużepp.

Spjega li d-devozzjoni lejn il-bastun ta’ San Ġużepp ma teżistix biss f’Malta, imma devozzjoni simili teżisti f’Firenze, l-Italja.

Maż-żmien l-istatwa ta’ San Ġużepp ix-Xiħ, li jingħad li kienet tagħmel parti mid-dekorazzjoni tal-karraka tal-ordni, ġibdet tant devozzjoni li kienet tinħareġ f’diversi pellegrinaġġi nazzjonali bħal dawk li saru meta l-pajjiż intlaqat minn mard bħall-pesta jew nuqqas ta’ xita.

Fil-festa tad-19 ta’ Marzu ċċelebrata mill-komunità Ġużeppina tar-Rabat, il-pubbliku jkun jista’ jżur is-santwarju fejn tinżamm b’għożża din l-istatwa.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Is-servizz tat-Telecare reġa’ qed jopera wara li aktar kmieni kien sospiż. Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva flimkien mad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità rringrazzjaw lill-operatur tal-impenn…

Saħħa

Intlaħaq ftehim bejn Steward Healthcare u l-MUMN dwar id-Dipartiment tal-Fiżjoterapija fl-Isptar San Luqa. Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għas-Saħħa ntqal li wara intervent mid-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, saret…

Lokali

Fi tmiem laqgħa mqanqla tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li intemmet għall-ħabta tal-11.10pm., il-Kap tal-Partit Adrian Delia qal li hu għamel 10 proposti dwar it-tibdiliet li jeħtieġ il-Partit biex jimxi ‘il quddiem….

Aktar